Lokali

Robert Abela jerġa’ juża l-PBS għal messaġġ partiġġjan

Għal darb’oħra l-Awtorità tax-Xandir sabet lill-PBS ħati ta’ żbilanċ, f’konferma oħra li l-Prim Ministru Robert Abela qed juża x-Xandir tal-Istat għal skop ta’ propoganda partiġġjana.

Dan wara li l-Partit Nazzjonalista ressaq ilment rigward Konferenza tal-Aħbarijiet imxandra fuq il-PBS fl-4 ta’ Marzu li ghadda, fejn matulha Robert Abela għal ħin twil uża din l-opportunità biex jitkellem fuq suġġetti politiċi kurrenti u ta’ kontroversja – messaġġi li kienu ripetuti eżatt ma’ tmiem il-konferenza mill-preżentatur li kien qed iwassal l-aħbarijiet.

F’seduta virtwali li nżammet fit-30 ta’ Marzu, fejn fiha pparteċipaw fost oħrajn is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech kif ukoll l-Editur u l-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Normla Saliba, Francis Zammit Dimech insista mal-Awtorità tax-Xandir li jeħtieġ linji gwida dwar dawn it-tip ta’ konferenzi tal-aħbarijiet sabiex fost l-oħrajn jingħata tqassim ġust bejn iż-żewġ mexxejja politiċi.

Għaldaqstant, l-Awtorità ddeċidiet li tilqa’ dan l-ilment u tagħti rimedju ta’ 5 minuti lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’messaġġ marbut mal-pandemija li jrid jixxandar qabel l-aħbarijiet tat-8 ta’ filgħaxija fuq TVM sal-Ħamis 15 ta’ April.