Lokali

Taljan arrestat wara serqa minn residenza fil-Qrendi

Ritratt: Google Street View

Il-Pulizija żammet Taljan ta’ 48 sena miż-Żurrieq arrestat b’rabta ma’ serqa minn residenza fi Triq it-Tempesta, il-Qrendi, wara li ġiet identifikata l-vettura li juża u din twaqqfet f’Ħal Kirkop mir-Rapid Intervention Unit(RIU).

Għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart tal-Erbgħa waranofsinhar, il-Pulizija kienet mgħarrfa bis-serqa mingħand mara li rrappurtat kif malli rritornat lura d-dar, sabet ma’ wiċċha ħalliel u kif raha, ħarab minn fuq il-post.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett għadhom għaddejjin.