Lokali

Żvelat fil-Qorti l-pjan ta’ kif kellu jaħrab Yorgen Fenech

San Ġiljan – Ragusa – Nizza. Din kienet ir-rotta li n-negozjant Yorgen Fenech kellu jaqbad sabiex jaħrab mill-pajjiż malli b’xi mod sar jaf li l-Pulizija kienu se jiġbruh lura f’Novembru tal-2019.

Dan ħareġ tul il-kumpilazjoni tax-xhieda fil-konfrot tal-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hekk kif minn messaġġi preżentati fil-Qorti ħareġ fid-deher li z-ziju ta’ Yorgen Fenech, Ray Fenech, ħeġġu sabiex jitlaq hekk kif kien għadu fil-ħin, b’Yorgen jisħaq li xorta waħda kien se jispiċċa f’idejn il-Europol la darba jinqabad maħrub f’xi stat membru tal-Unjoni Ewropea.

Fil-messaġġi preżentati ħareġ li l-pjan kien li jitlaq mill-pajjiż permezz ta’ dgħajsa fejn ħuh kellu jiltaqa miegħu f’Ragusa, fi Sqallija – fejn minn hemmhekk permezz ta’ karozza jieħdu t-triq lejn Franza, f’Nizza. Dan filwaqt li fi Franza kienu jiġu pprovduti bi trakk u jkomplu tilgħin ‘il fuq.

F’set ta’ konverżazzjoni oħra bejn Yorgen u zijuh – fejn wieħed jistaqsi lill-ieħor jekk kellimx lil K – bir-risposta tkun iva kif ukoll li qallu sabiex iżomm kalm hekk kif dakinhar xejn ma kien se jiġri.

Dan filwaqt li tul il-messaġġ ħareġ ukoll fid-deher li Yorgen Fenech kien qed jaħseb ukoll sabiex jaqbad jet privat lejn Nizza.