Lokali Parlament

WARA L-PAC: Il-Ministru Bartolo jgħid li qed “jiddefendi l-interess nazzjonali”

L-iskandlu tal-Electrogas huwa wieħed biss minn lista sħiħa ta’ skandli li ilna nisimgħu bihom għal dawn l-aħħar 8 snin ta’ Gvern Laburista. L-istess Gvern li tul il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fil-Parlament, baqa’ ċass waqt li membri tal-Oppożizzjoni staqsew serje ta’ domandi diretti lill-eks Direttur ta’ Nexia BT Brian Tonna.

Waqt li kienu qed isiru dawn il-mistoqsijiet, wieħed jinnota, fost l-oħrajn, lil Clayton Bartolo, illi għażel li jipposponi għal darb’oħra id-domandi illi qal li għandu. L-istess għamlu sħabu tal-Gvern. Skont Clayton Bartolo, dak li sar fil-PAC huwa aġir li jiddefendi l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.

L-iskandlu tal-Electrogas kien kundannat bi kliem iebes mill-Awditur Ġenerali – u huwa propju dan ir-rapport li bħalissa qed jiġi diskuss mill-PAC. Iżda minkejja din il-kundanna fuq il-mod kif intefqu flus il-poplu, l-esponenti tal-Gvern jibqgħu jirrepetu l-istess retorika.

Intant, huwa mistenni li l-Ispeaker jagħti deċiżjoni minn naħa tiegħu dwar dak li għamel Brian Tonna, fejn il-PN qed jitlob li Tonna iwieġeb id-domandi kollha li saru.