Internazzjonali

Covid-19: Twissija biex il-Ġermanja ssaħħaħ ir-restrizzjonijiet mill-aktar fis biex ittaffi t-tielet mewġa tal-virus

epa08413191 An employee wearing protective face mask passes the entrance of the factory premises of the Westfleisch meat processing company in Hamm, Germany, 10 May 2020. A large-scale corona test was started in Hamm on more than 1,000 'Westfleisch' employees. The reason for the action by the city of Hamm was the reports from the cities of Coesfeld and Oer-Erkenschwick, where hundreds of employees of 'Westfleisch' slaughterhouses were infected. The German Government and local authorities had recently relaxed measures which should have curbed the spread of the coronavirus SARS-CoV-2, which causes COVID-19 disease. EPA-EFE/FRIEDEMANN VOGEL

Il-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż, Jens Spahn, ħeġġeġ biex is-sittax-il-Stati federali tal-Ġermanja jimponu restrizzjonijiet aktar iebsin biex jippruvaw inaqqsu l-impatt tat-tielet mewġa tal-coronavirus.

Spahn insista li s-sitwazzjoni saret urġenti u li l-Ġermanja trid tieħu passi immedjati aktar milli tistenna l-approvazzjoni ta’ liġi speċifika biex tintroduċi l-miżuri meħtieġa.

Intant, l-ammont tal-każi konfermati tal-Covid-19 fil-Ġermanja żdiedu bi kważi 30,000 għal 3.073 miljuni – li hi l-akbar żieda (fil-pajjiż) mit-8 ta’ Jannar. Fl-istess ħin, mietu 293 oħra mill-effetti tal-virus, bil-vittmi fil-Ġermanja issa jaqbżu s-79,300.

Jens Spahn enfasizza li l-iżviluppi tal-virus li għadda minnu l-pajjiż fil-ħarifa għandhom jipprovdu eżempju ċar ta x’kapaċi jseħħ fin-nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha.

Dan meta l-Ġermanja qed tistenna li mas-6,000 pazjent  jispiċċaw fit-taqsimiet għall-kura intensiva sal-aħħar tax-xahar, bis-sitwazzjoni fl-isptarijiet tal-pajjiż qed tkun imfissra bħala waħda ‘drammatika’.

Intant, il-messaġġ ewlieni jibqa’ biex il-politiċi jieħdu azzjoni ħalli jkissru t-tielet mewġa tal-virus ‘illum qabel għada’.

Il-Ġermanja, fil-preżent, qed tipprova ssib tarf ta’varjant ‘aktar trasmissibbli’ tal-Covid-19 meta l-poplu, ħames xhur oħra, joħroġ jivvota fl-elezzjoni nazzjonali. Mistenni, intant, li l-Partit CDU fil-Gvern, li hu mmexxi mill-Kanċillier, Angela Merkel, jispiċċa jsofri t-telfiet sinifikanti f’din l-elezzjoni

Min-naħa tagħha, Angela Merkel tinsab frustrata dwar il-fatt li xi reġjuni fl-Ġermanja naqsu milli jimplimentaw ir-restrizzjonijiet aktar iebsa, minkejja ż-żieda allarmanti fl-infezzjonijiet bil-Covid-19. Merkel trid li l-Parlament Ġermaniż jagħti l-poteri temporanji lill-Gvern federali biex jimponi l-lockdowns fiz-zoni tal-pajjiż bl-ogħla rati ta’ infezzjonijiet.

Fi żviluppi oħra, il-Viċi Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, iddefenda l-bidliet għall-Att tal-Liġi li Jesiġi Protezzjoni ( għal żmien il-pandemija) u li jinkludu l-impożizzjoni tal-curfews f’sitwazzjonijiet fejn l-inċidenzi tal-virus li jkunu ilhom għal ġimgħa jaqbżu r-rata ta’ ‘100 infettat għal kull 100,000’.

Sadanittant, il-Ministru Spahn qal li l-kampanja tat-tilqim fil-Ġermanja ħadet spinta u li mal-20 fil-mija tal-poplu se jkun ingħata, almenu, l-ewwel doża sal-aħħar ta’ April. Huwa wkoll intiż li l-adulti kollha fil-Ġermanja jkunu laħqu ġew offruti l-ewwel tilqima sal-aħħar tas-sajf li ġej.