Lokali Saħħa

Iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Biomedical Science

Wara kull analiżi ta’ rutina tal-kolesterol fid-demm, għal proċess ta’ tessut tal-ġisem u l-analiżi tiegħu taħt il-mikroskopju, mill-infezzjoni tal-griżmejn, sal-aħjar għażla ta’ antibiotiku effettiv, mill-istudju tal-ġenetika tal- popolazzjoni sal-iscreening tal-kanċer, mill-infertilita’ sal-identifikazzjoni ta’ allerġiji, mid-dijanjożi tal-leukaemia sat-tqabbil ta’ prodotti tad-demm għat-trasfużjoni, u dan l-aħħar, is-sejba u l-identifikazzjoni tal-ikbar għadu ta’ bħalissa, il-Covid-19, dejjem hemm l-idejn, il-qalb u l-moħħ tal-Biomedical Scientist.

Grupp ta’ ‘l fuq minn 400 proffessjonist, kemm fis-settur privat u minn dak publiku, jingħaqdu kuljum bħala team dedikat ta’ xjentisti, li jaħdmu flimkien minn ‘wara il-kwinti’ sabiex mhux biss iwasslu risposti essenzjali, f’wieħed mill-ikbar oqsma tax-xjenza moderna, fid-dijanjożi u interpretazzjoni ta’ riżultati, imma anke fir-riċerka kontinwa biex jipprovdu l-eċċellenza fis-saħħa, lill-pazjenti tagħna.

Il-Biomedical Scientists, ukoll magħrufin bħala Medical Laboratory Scientists, huma responsabbli għal iktar minn 70% tad-dijanjożi nazzjonali fis-sistema tal-kura Maltija, u anke internazzjonalment madwar id-dinja.

Dil-professjoni ‘moħbija’, taħdem iktar minn 10 miljun test fis-sena f’Malta, u grazzi għall-ħila, għerf, passjoni, dedikazzjoni, kompetenza varjata u xogħol bla tmiem, il-Biomedical Scientist isalva l-ħajja tan-nies billi jipprovdi l-ewwel informazzjoni imprezzabbli għat-tabib, sabiex jiġi ppjanat it-trattament u ġestjoni tal-kura tal-pazjent u b’hekk ikun dejjem is-sinsla fis-settur tas-saħħa.

Fil-15 t’April, tigi ċċelebrata il-ġurnata internazzjonali tal-Biomedical Science u l-Assoċjazzjoni tal-Biomedical Scientist f’Malta – MABS, tħossha kburija li toħloq modi ta’ għarfien, u tippromwovi u tiċċelebra r-rwol importanti ta’ din il-professjoni u l-membri tagħha.

Għal iktar informazzjoni, il-pubbliku u anke professjonisti oħra, huma mistiedna jsegwu l-MABS billi jidħlu fis-sit www.biomedicalsciencemalta.org, jew fuq il-paġna tal-Facebook tal-MABS.