Internazzjonali

Il-Franċiżi mħeġġa biex joħorġu mill-Pakistan fost it-tensjoni u vjolenza

Franza qed tħeġġeġ biex iċ-ċittadini tagħha kollha fil-Pakistan jitilqu mill-pajjiż almenu għal żmien temporanju, Dan minħabba li fil-Pakistan għaddejja ‘ħuġġieġa’ sħiħa ta’ sentimenti kontra Franza – u meta mhumiex jonqsu l-protesti u konfronti vjolenti bejn dimostranti u l-qawwiet tal-liġi Pakistani, bir-riżultat li mietu talanqas żewġ uffiċjali tal-pulizija.

Il-protesti fil-Pakistan – li rrankaw fl-aħħar jiem – bdew xhur ilu wara li ġurnal Franċiż reġa’ pubblika l-karikaturi tal-Profeta Muhammad, il-fundatur tal-Islam. Intant, l-Ambaxxata Franċiża fil-Pakistan, fl-aħħar sigħat, wissiet dwar ‘it-theddid serju għall-interessi ta’ Franza (fil-pajjiż partikulari)’.

Il-Gvern tal-President Franċiż, Emmanuel Macron, iddefenda d-dritt tal-ġurnal biex juri l-karikaturi ta’ Muhammad iżda d-deċiżjoni rrabjat bil-kbir lill-Iżlamiċi konservattivi u radikali fil-Pakistan. Dan meta l-Iżlamiċi tad-dinja jħossuhom offiżi bil-karikaturi tal-Profeta li, għalihom, jiddisrispettaw lir-reliġjon partikulari.

Il-protesti fil-Pakistan żdiedu din il-ġimgħa wara li l-Gvern tal-pajjiż arresta lil Khadim Hussain Rizvi, il-Kap tal-Partit radikali Tahreek-e-Labaik Pakistan (TLP) li qed jinsisti għat-tkeċċija tal-Ambaxxatur Franċiż.

L-arrest ta’ Rizvi u l-passi tal-awtoritajiet Pakistani biex jipprojbixxu r-rwol tat-TLP wasslu biex eluf ta’ sostenituri tal-partit radikali joħorġu fit-toroq – u bil-pulizija jispraw il-balal tal-gomma u l-gass tad-dmugħ fuq id-dimostranti, fost l-arja ta’ rewwixta.

Sadanittant, il-Ministru tal-Intern Pakistani, Sheikh Rashid Ahmed, qal li filwaqt li l-Pakistan hu determinat ‘li jipproteġi l-unur tal-Profeta Mohammed’, id-domandi tat-TLP ‘setgħu wrew lill-Pakistan bħala pajjiż radikali f’għajnejn id-dinja’.

Fl-aħħar sigħat, intant, l-Ambaxxata Franċiża fil-Pakistan tkellmet dwar it-theddida ċara għall-interessi tal-Franċiżi fil-pajjiż Asjatiku, fost l-insistenza biex iċ-ċittadini u l-kumpaniji Franċiżi jitilqu mill-pajjiż permezz tal-linji tal-ajru kummerċjali.