Lokali

Il-Gvern m’għandu l-ebda pjan serju biex iħares l-impjiegi fil-manifattura lokali – PN

Iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurostat juru li pajjiżna rreġistra l-akbar tnaqqis fil-produzzjoni industrijali fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Fi Frar li għadda, Malta rreġistrat l-akbar tnaqqis bi ftit inqas minn 11% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena preċedenti. Dan jikkontrasta ferm mat-tnaqqis medju Ewropew ta’ 0.9%.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol, Taħriġ, Kompetittività u Intrapriża Jason Azzopardi saħaq li minbarra li din l-indifferenza min-naħa tal-Gvern fil-qasam tal-manifattura lokali qed twassal għal telf ta’ ħafna impjiegi, il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-istess Gvern:

● Ma ġab ebda niċċa ta’ industrija ġdida mill-2013 ‘l hawn.

● Tilef l-opportunita’ li ġabet magħha l-pandemija, kif għamlu l-kompetituri tagħna, biex iżid u jassisti l-aġilita’ u r-reżiljenza tal-manifattura Maltija.

● Ta bis-sieq l-ilmenti tas-sidien tal-industrija f’Malta li qed iħallsu l-ogħla prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa kollha.

● Injora għal kollox il-problemi kbar ta’ prezzijiet dejjem jogħlew biex il-manifattura Maltija tesporta l-prodotti tagħha lejn il-kontinent Ewropew.

● M’għamel xejn biex itaffi l-ispejjeż enormi tal-group transport ta’ kull ġimgħa lejn l-Ewropa mill-fabbriki Maltin bil-konsegwenti telf ta’ kompetittivita’.

Għalhekk jidher ċar li l-Gvern m’għandu ebda pjan jew viżjoni ċara fejn irid jieħu l-manifattura Maltija fil-ħames snin li ġejjin, u dan kuntrarju għall-Partit Nazzjonalista li qiegħed kontinwament jiddjaloga mas-sidien tal-manifattura lokali, l-isfidi u l-problemi li qed jiffaċjaw biex b’hekk ikompli jsaħħaħ u jibni l-proposti elettorali tiegħu għal dan is-settur li minnu jiddependu eluf ta’ familji.