Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-erba’ mħallfin ġodda

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq jifraħ lill-erba’ imħallfin ġodda li nħatru llum mill-President tar-Repubblika fuq il-parir unanimu tal-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura li ġie stabbilit bl-emendi kostituzzjonali tas-sena l-oħra.

Tnejn minn dawk li ħatru Neville Camilleri u Audrey Demicoli. fil-preżent qegħdin iservu bħala Maġistrat, filwaqt li t-tnejn l-oħra huma l-Avukat Christian Falzon Scerri u l-Avukat Ian Spiteri Bailey.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali Joe Ellis, il-PN qal li l-erba’ ġudikanti li nħatru jgawdu rispett universali għall-integrita’, effiċjenza u xjenza tal-liġi tagħhom u għalhekk wieħed jawgura illi jagħtu kontribut mill-aqwa fil-Qrati Superjuri ta’ pajjiżna.

L-indipendenza tal-ġudikatura u r-rispett tal-Kostituzzjoni huma fost l-aktar elementi importanti tas-saltna tad-dritt u l-imħallfin il-ġodda huma mistennija li jsaħħu r-rispett lejn is-saltna tad-dritt minn kulħadd, kemm min hu dgħajjef u kemm min hu f’saħħtu.

Issa li nħatru erba’ imħallfin ġodda, l-Gvern m’għandu l-ebda pretest illi jibqa’ jirrimanda sabiex il-Qorti Ċivili ta’ Għawdex fil-ġurisdizzjoni superjuri tagħha tibda’ tiġi preseduta minn imħallef kif ilha l-intenzjoni ddikjarata. Il-Partit Nazzjonalista jawgura li l-liġi li diġa’ għaddiet mill-Kamra tad-Deputati li tippermetti li jsir dan il-pass tidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin.