Lokali

“Il-Prim Ministru għandu minnufih ikeċċi lil Carmelo Abela” – PN

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu minnufih ikeċċi lill-Ministru Carmelo Abela mill-kariga tiegħu.

Dan kien il-messaġġ li wasslu l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista, Graziella Attard Previ, Justin Schembri u Jerome Caruana Cilia meta waqt konferenza tal-aħbarijiet tkellmu dwar ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li kkonkluda li l-Ministru Carmelo Abela għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi.

Carmelo Abela kien għamel reklam li deher fuq il-gazzetti kollha minbarra fuq in-Nazzjoni u il-Mument. Reklam li sewa €7,012.98 u li skont ir-rapport ta’ George Hyzler serva ta’ promozzjoni għall-Ministru u kien nieqes minn kontenut informattiv għall-pubbliku.

B’dan l-aġir, il-Ministru kiser 4 artikli tal-kodiċi tal-etika.

Il-PNa qed jisħaq li Carmelo Abela għandu jgħati lura lill-poplu Malti u Għawdxi, il-flus li uża għal gwadann personali, partikolarment f’dan iż-żmien tal-pandemija meta hawn ħaddiema u pensjonanti li mhux ilaħqu.

Il-PN fakkar kif il-Prim Ministru Robert Abela kien saħaq li se jieħu deċiżjoni fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar meta jkun konkluż ir-rapport tal-Kummissarju u allura fakkru kif dwar Carmelo Abela r-rapport huwa konkluż u ċar ħafna, għalhekk Robert Abela għandu minnufih jiddeċiedi.

Sar appell dirett lil Robert Abela biex minnufih jagħmel regoli u linji gwida ċari biex dan l-abbuż jinqata’ darba għal dejjem partikolament meta qed toqrob elezzjoni ġenerali. Il-PN fakkar kif numru ta’ xhur ilu kien diġa ħareġ numri ta’ propost konkreti għall-Gvernanza Tajba.

Il-Kumissaru tal-Istandards kien intalab jinvestiga l-aġir ta’ Carmelo Abela wara li sar ilment mill-President tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina.