Enerġija Lokali

“Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma pożittivi u kostruttivi” – l-MEA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) iddeskriviet il-proposti tal-PN fil-qasam tal-enerġija, bħala proposti inkoraġġanti.. proposti b’viżjoni li l-pajjiż jiġi ttrasformat u jintlaħqu l-miri u l-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli li jissarrfu f’ekonomija aktar ekoloġika.

L-MEA qalet li dan id-dokument li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista se jwassal għal ġenerazzjoni tal-enerġija li minnha jistgħu jibbenefikaw in-negozji u l-familji.

F’laqgħa li kellha mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus. l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem saħqet li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu opportunitajiet għall-investiment u l-ġenerazzjoni ta’ impjiegi ekoloġiċi. Qasam partikolari li fih dan huwa evidenti huwa l-elettrifikazzjoni tat-trasport b’investiment fl-infrastruttura sabiex jiġi ffaċilitata t-trasport li jaħdem bl-elettriku.

L-MEA qalet li l-proposta biex jiġu riveduti l-obbligi kuntrattwali eżistenti sabiex jiġu esplorati għażliet orħos biex jiżdied l-użu tal-interconnector, huwa ta’ benefiċċju, speċjalment jekk jirriżulta fi tnaqqis tar-rati eżistenti. Dan għaliex l-interconnector jipprovdi l-għażla għall-aħjar offerti fix-xiri tal-enerġija. L-MEA saħqet li l-użu tal-floating wind platforms hija proposta li għandha tiġi kunsidrata minħabba l-limitazzjonijiet ġeokrafiċi ta’ pajjiżna.