“Nassigurak li minflok irbaħna l-battalja, qed nitilfu battalja ħafna ikbar… in-negozji qed jitħallew iddisprati bl-attitudni tal-Gvern.”
Hu dan id-diskors fuq fomm ħafna sidien ta’ ristoranti li jum wara l-ieħor qed juru r-rabja għall-attitudni tal-Gvern hekk kif s’issa baqgħu mingħajr ebda pjan serju għall-futur, anke dak qarib.
Fil-fatt, fuq post li ttellgħet fuq Facebook minn kok u sid ta’ ristorant, Sean Gravina rrikonoxxa l-fatt kif numru kbir ta’ familji qed ibatu biex jgħaddu minn jum għall-ieħor hekk kif in-negozju tagħhom jinsab fix-xifer, b’uħud lanqas biss kapaċi jwasslu sal-bidu tax-xahar li ġej.
Il-mistoqsija ta’ ħafna hi waħda: “għalfejn intesejna u ħadd mhu jifhimna waqt li għaddejjin minn maltempata?”
