Lokali Qorti

Jinħatru erba’ Imħallfin ġodda

Il-President ta’ Malta ħabbar illi se jaħtar erba’ Imħallfin ġodda fil-Qrati Superjuri ta’ Malta.

L-Imħallfin il-ġodda se jkunu l-Maġistrat Neville Camilleri, il-Maġistrat Audrey Demicoli, l-avukat Christian Falzon Scerri, u l-avukat Ian Spiteri Bailey.

Il-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura irċieva u għarbel b’kollox 29 espressjoni ta’ interess.

Skont il-liġi, il-President Vella huwa mistenni wkoll li jippubblika l-ismijiet tal-Kandidati kollha mgħoddija mill-Kumitat lill-President li fl-opinjoni tal-Kumitat ġew ikkunsidrati li kienu huma wkoll idoneji u meritevoli għall-ħatra ta’ Imħallef.

Dawn il-persuni huma, l-avukat Michael Camilleri, il-Maġistrat Doreen Clarke, il-Maġistrat Josette Demicoli, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, il-Maġistrat Charmaine Galea, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit u l-Maġistrat Gabriella Vella.