Lokali Qorti

Kumpens ta’ ftit aktar minn €10,000 għall-Kuntistabbli wara li weġġa’ fi sparatura ta’ kollega

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Grazio Mercieca ordnat kumpens ta’ €10,119.30 lill-eks Kuntistabbli tal-Pulizija wara li waqt taħriġ mhux awtorizzat huwa ntlaqat minn tir f’sidru u ma setax jagħmel xogħol ieħor wara l-eta’ tal-irtirar mis-servizz.

Peter Paul Sammut kien ilu 21 sena fil-Korp tal-Pulizija u kien baqalu erba’ snin oħra biex jittermina s-servizz u għaldaqstant ta’ età żgħira ma setax okollu introjtu minn dan l-impjieg jew impieg ieħor.

Sammut kien jilmenta minn uġigħ fil-ġwejnah tax-xellug meta jieħu nifs fil-fond jew meta jdur fuq naħa jew oħra meta jkun mimdud. Ma jistax jorqod fuq ix-xellug għaliex jikkawżalu uġigħ.

Għandu diffikultà jgħolli dirgħajh tax-xellug ‘il fuq minħabba l-uġigħ. Xi kultant iħoss bħal xokk f’idejh ix-xellugija u anke uġigħ fin-naħa tax-xellug ta’ għonqu li jimxi ma’ dirghajh tax-xellug sal-id ix-xellugija u dan iħossu meta jsuq il-mutur.

Sammut kien beda proċeduri kontra Shawn Axiaq, kuntistabbli tal-pulizija li kien sparalu waqt it-taħriġ. Fi proċeduri oħra Axiaq kien ġie mmultat €4,000 talli aċċidentalment spara lil kollega waqt eżerċizzju li sar mingħajr ebda awtorizzazzjoni fil-kumpless abbandunat tal-White Rocks, f’St. Andrews matul il-lejl bejn it-30 t’ April, u l-1 ta’ Mejju 2009.

Kienu sitt membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu marru fil-bini mitluq fejn Pulizija minnhom kien mar biex jurihom il-ħiliet li kien akkwista fl-Istati Uniti.

Huwa kien wera lill-kollegi tiegħu l-ħbula dwar kif jimmaniġġaw, javviċinaw u jiddiżarmaw is-suspettati. Sfortunatament, il-pistola Glock li kienet qed iġġorr Axiaq spiċċat ħadet laqat fis-sider il-kuntistabbli Peter Paul Sammut li dak iż-żmien kellu 41 sena.

L-isparatura għaddiet mill-ġisem ta’ Sammut li ittieħed malajr l-isptar fejn il-ġrieħi tiegħu nstabu gravi iżda mhux kritiċi. Axiaq, li kien ingħaqad mal-korp tal-pulizija ftit xhur biss qabel l-inċident, ġie ttrattat għal xokk qawwi.

Il-Maġistrat Edwina Grima, illum Imħallef kienet eskludiet li dan kien każ ta’ ’attentat ta’ qtil, speċjalment meta kkunsidrat il-ħbiberija mill-qrib li teżisti bejn il-vittma u Axiaq.

Filwaqt li kienet kkundannat lill-uffiċjali talli ma talbux awtorizzazzjoni, il-qorti nnutat li l-akkużat kien ġie ordnat biex ma jiġbdux il-grillu tal-arma. Axiaq iżda injora ż-żewġ ordnijiet.

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-vittma daħal fil-Korp tal-Pulizija fit-13 ta’ Jannar 1988. Is-servizz fil-Korp huwa ta’ 25 sena. L-aċċident seħħ fl-1 ta’ Mejju 2009, wara 21 sena servizz. Għaldaqstant kien baqalu erba’ snin biex joħroġ bil-pensjoni tas-servizz fl-eta’ ta’ 45 sena.

Dan pero’ ma jfissirx li huwa ma setax jagħmel xogħol ieħor wara l-eta’ tal-irtirar mis-servizz u jkollu introjtu minn dan l-impjieg kif fl-aħħar mill-aħħar hija prassi li tintagħżel minn ħafna uffiċjali li jirtiraw ta’ eta żgħira wara 25 sena servizz.

L-età tal-irtirar għall-persuni li twieldu fl-istess sena tal-attur (1968) hija ta’ 65 sena. Tenut kont tal-bidlit u tal-ħajja tax-xogħol, il-Qorti addottat ‘multiplier’ ta’ 19-il sena.

Qieset il-fatt ukoll li Sammut fis-sena 2009 kellu introjtu gross ta’ €18,369.40 konsistenti f’paga u allowances. Peress li kien baqalu biss erba’ snin fis-servizz, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-paga minima ghal-kumplament tal-Multipler (15 il-sena).

Huwa preżenta ftehim kollettiv illi jirregola l-pagi tal-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija li ġie fis-seħħ f’Jannar 2018 u allura wara li l-attur kien diġa’
ħareġ bil-pensjoni tas-servizz.

l-Qorti ħadet bħala bażi l-paga minima nazzjonali li fit-2014 kienet ta’ €8,615.36 fis-sena. Din il-paga bejn wieħed u ieħor togħla bi €135.41 fis-sena. Li jfisser li l-paga tiegħu tiżdied b’€2,031.15 għal €10,646.51. Il-medja tiġi €9,630.94.


Il-kuntistabbli Sammut stqarr li konsegwenza ta’ dak li seħħ huwa qatt ma seta’ javvanza fil-karriera tiegħu fil-Korp tal-Pulizija peress li kien limitat fin-nifs. Is-Surġent Ivan Brincat inkarigat mit-taħriġ fiżiku tal-Korp xehed li wara l-inċident, Sammut ma setax jagħmel aktar ‘pushups’. Xehed ukoll li l-promozzjoni għal Surġent jew Surġent Maġġur mhux relatat mat-taħriġ fiżiku.

Il-promozzjoni għal Spettur tirrikjedi li jsir “physical assessment” li jinkludi li jkun hemm distanza ta’ mil li trid tagħmilha f’tant ħin flimkien ma’ tant “pushups” u “sit ups.”

Żied jgħid illi Sammut qatt ma laħaq fil-fatt il-kriterji ta’ eżerċizzju fiżiku lanqas qabel l-inċident. Bħala ħin fuq il-ġirja baqa’ kważi l-istess kemm qabel u kemm wara l-inċident.

Għaldaqstant il-Qorti qalet li ma jidhirx li dan l-aċċident affettwa l-avvanz tal-karriera tal-attur. Għal dawn il-mottivi l-Qorti laqgħet it-talba f’parti ta’ Sammut, li huwa sofra minn danni minħabba traskuraġni, negliġenza, imperizja, nuqqas t’osservazzjoni ta’ regolamenti u nuqqas ta’ attenzjoni.

Dan minn naħa tal-Kuntistabbli Shawn Axiaq u għalhekk illikwidat d-danni sofferti mill-attur fis-somma ta’ €10,119.30. Il-kawża saret kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kuntistabbli Shawn Axiaq u s-Surġent, illum Spettur Jonathan Ransley.