Lokali

L-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Brian Tonna jkomplu jitfgħu pressjoni fuq il-Partit Laburista

L-allegazzjonijiet li hemm fil-konfront tal-eks Direttur ta’ Nexia BT Brian Tonna, qed ikomplu jitfgħu pressjoni kbira fuq il-Partit Laburista.

Brian Tonna huwa l-persuna li fetaħ kumpaniji sigrieti barra l-pajjiż lil numru ta’ esponenti tal-Partit Laburista. Kien ukoll isem involut sew fil-proġett kontroversjali tal-powerstation tal-gass.

Ikkonfrontata bil-mistoqsijiet ta’ Net News dwar dan kollu, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard baqgħet taħrab milli twieġeb.

Staqsejna lil Ramona Attard jekk hi ltaqatx ma’ Brian Tonna. Fejn l-ewwel twieġeb ‘LE’ imbagħad bħal donnu jerġa’ jibdielha, u fit-tieni parti tar-risposta ma eskludietx.

Ramona Attard ma weġbitx lanqas dwar il-laqgħat li kien ikollu Brian Tonna fil-Kwartieri tal-Partit Laburista.

Sa issa, il-Gvern ta’ Robert Abela għadu marbut mad-deals kollha li fihom kien imdaħħal Brian Tonna fl-aħħar 8 snin.