Internazzjonali

Kim Potter akkużata bil-qtil involontarju f’Minnesota

Uffiċjal tal-Pulizija li sparat għal raġel iswed li kien imġiegħel jinżel mill-karozza tiegħu għal ‘investigazzjoni rutina’ qed tiffaċċja akkuża ta’ qtil involontarju fuq livell ta’ tieni grad.

Il-pulizija qalu li Kim Potter, li kienet qed taqdi d-doveri għaz-zamma tal-liġi, sparat bi żball għas-sewwieq, Daunte Wright, li miet mill-ġrieħi li ġarrab u meta hi ħasbet li kienet qed tuża taser fil-konfront tal-vittma li dak il-ħin kien qed juri ‘sinjali ta’ aggressjoni’.

Il-każ seħħ jiem ilu f’Minnesota u Potter, issa, irriżenjat minn mal-korp tal-pulizija. Hi, fl-aħħar sigħat, kienet inżammet taħt arrest u ftit wara ngħatat il-libertà proviżorja fuq pleġġ ta’ $100,000.

Il-qtil ta’ Daunte Wright qajjem mill-ġdid l-inkwiet f’Minnesota fost il-konfronti bejn pulizija u dimostranti fis-subborg ta’ Brooklyn Center. Dan waqt li mijiet ta’ dimostranti qed jisfidaw regolarment il-curfew fiz-zona biex jinġabru quddiem il-kwartieri tal-pulizija.

Qed jiżbruffaw anki l-inċidenti kontinwi fejn id-dimostranti qed iwaddbu l-fliexken u oġġetti oħra lejn il-pulizija li qed iwieġbu bis-stun grenades u l-pepper spray, L-avukat tal-familja ta’ Daunte Wright, intant, insista li l-qtil tar-raġel kien wieħed ‘intenzjonali’ u li l-każ jirrifletti ‘l-użu ta’ saħħa eċċessiv’.

Fl-aħħar sigħat kien mistenni li Kim Potter titressaq għall-ewwel dehra tagħha fil-qorti. L-akkuża li hi qed tiffaċċja ġġorr sentenza massima ta’ għaxar snin ħabs u multa ta’ $20,000.

Fil-preżent, għaddej ukoll il-ġuri tal-eks pulizija Derek Chauvin li hu akkużat bl-omiċidju ta’ raġel iswed ieħor – George Floyd – li kien seħħ f’Mejju li għadda f’Minnesota. Chauvin qed ikun akkużat b’aġir aggressiv ‘eżaġerat’ li swiet il-ħajja ta’ Floyd, li kien Amerikan ta’ dixxendenza Afrikana.