Lokali

“Msida Creek: pjan ta’ ċimiterju tal-karozzi u qerda tas-siġar”

“Minkejja l-fatt li l-proġett Msida Creek se jbiddel iż-żona f’ċimiterju tal-karozzi, ħa jirriżulta fit-tneħħija ta’ bosta siġar li għandhom iż-żmien, ħa jidfen aktar art agrikola taħt l-asfalt u ħa jneħħi l-aċċessibilità tal-persuni mexjin u taċ-ċiklisti, l-ERA ma ndenjatx ruħha titlob Evalwazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) mingħand Infrastructure Malta.”

Kien dan li ħareġ fi stqarrija ta’ Moviment Graffitti hekk kif appellaw kontra l-inazzjoni tal-ERA dwar il-proġett ippjanat.

Huma komplew jgħidu li l-ERA ma talbitx li Infrastructure Malta tipprovdi proġett alternattiv li jkun jaqdi aħjar il-komunità lokali u nazzjonali. Minflokk, għal darb’oħra ċediet quddiem dan.

Moviment Graffitti saħqu li dan il-proġett ser ikollu effett konsiderevoli u irriversibbli fuq in-nisġa soċjali tal-Imsida, f’żona li hija pjuttost pedonali u hija l-unika spazju pubbliku miftuħ li fadallu l-aħħar pulmun aħdar f’belt li għandha kullimkien mibni.

Wieħed mill-pontijiet se jinbena direttament quddiem blokka ta’ appartamenti ħa jkun qed joħloq impatt viżiv orribbli fuq ir-residenti li se jispiċċaw fid-dell ta’ din l-istruttura. Il-Moviment Graffitti għalhekk għamel appell biex ireġġa’ lura din id-deċiżjoni, billi d-deċiżjoni tal-ERA ma kinitx raġonevoli u ma kkunsidratx biżżejjed l-effetti ħżiena u n-nuqqas ta’ proporzjonalità tal-proġett.