Lokali

“Nemmen fil-kapaċità tal-Maltin u l-Għawdxin” – Bernard Grech

"Irrid noħloq l-opportunitajiet biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd" - Bernard Grech

“Irridu fuq kollox kwalità tal-ħajja… irridu li mhux il-flus jiddettaw ħajjitna. Il-viżjoni għall-pajjiżi hi li noħolqu opportunitajiet mhux biex neżistu biex naħdmu imma li jkollna kwalità ta ħajja aħjar. Ħolma li nistgħu inwettqu flimkien.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’xandira diretta fuq Facebook bit-tema ‘Nitkellmu Flimkien’. Il-Kap tal-PN kien qed iwieġeb għal sensiela ta’ domandi mibgħuta mill-pubbliku.

Bernard Grech qal li bħala kap tal-PN hu fid-dmir li jieħu deċiżjonijiet li jwasslu għall-partit aktar b’saħħtu. “Wasalna issa biex nieħdu l-pass li jmiss, deċiżjonijiet biex il-partit ikompli jsir aktar żagħżugħ fl-ideat. Tibdil biex nindirizzaw dak li jridu n-nies. Il-PN jemmen fin-nies u għalhekk ‘int’ se tibqa’ tkun fiċ-ċentru”, saħaq Bernard Grech.

Dwar l-għalliema l-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li rridu nirrikonoxxu l-ħidma ta’ dawn in-nies. Irridu nifhmu kif pajjiż u l-ekonomija tiegħu jridu lil kull settur biex jimxu ‘l quddiem. Il-Kap tal-PN qal li mingħajr għalliema ma konna naslu imkien. Hu għalhekk importanti li nirrikonoxxu li l-ħaddiema kollha huma essenzjali u hemm bżonn nirrikonoxxu din il-ħidma. Meta ma nirrikonoxxux din il-ħidma tbati s-soċjetà kollha u għalhekk bħala Partit u bħala pajjiż għandna obbligu li nattiraw aktar nies lejn is-setturi importanti.

Il-Kap tal-PN fakkar kif għal żmien twil, l-għalliema u l-persuni li jaħdmu fis-settur tas-saħħa ma kienux qed jiġu rikonoxxuti biżżejjed. Hu stqarr li lil dawn il-persuni għabbejnihom b’aktar sistemi ġodda li wasslu għal iktar xogħol imma kumpens finanzjarju għal dan qatt ma ngħataw. Bernard Grech saħaq li dan mhux ġust meta għandek persuni li qed jagħtu kontribut daqshekk kbir fis-soċjetà, “dan iwassal biex inqas persuni jagħżlu li jaħdmu f’dawn is-setturi u biex nattiraw aktar għalliema u professjonisti fil-qasam mediku, irrid li jkollhom kundizzjonijiet aħjar.”

Dwar l-isport il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru ma jagħtix każ biżżejjed lil dan is-settur u semma wkoll is-settur tal-kreattività u l-kultura li jinsabu mwarrbin mill-Prim Ministru. Bernard Grech qal li l-kumment tal-Prim Ministru meta rrefera għall-isport bħala passatemp kien kumment insensittiv li ma weriex rispett lejn dawk li jieħdu lill-isport b’tant serjetà. Bernard Grech saħaq li PN fil-Gvern se jsaħħaħ lill-iskola tal-Isport u hemm pjan li din l-iskola toħloq spazju biex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jirnexxu. “Għandna obbligu li ngħinu lil kulħadd jirnexxi. M’għandniex bżonn nimbuttaw nies, in-nies kapaċi, irridu ntuhom l-għodda biex jirnexxu. Jien se nagħmel dan għax nemmen f’kull żagħżugħ u żagħżugħa, irridhom jaslu u rrid li nifirħu magħhom għax meta jirbħu huma jirbaħ pajjiżna.”

Dwar il-familja l-Kap tal-PN saħaq li hu dmir tal-politiċi li jgħinu biex il-persuna tgħix ħajjitha kif tixtieq hi. Hu għalhekk li l-politiku qiegħed hemm biex joħloq stabbilità billi jinħolqu l-mezzi neċessarji biex il-persuna tkun tista’ tavvanza.

Bernard Grech saħaq li l-PN se jkompli jkun rappreżentant ta’ diversi setturi ta’ etajiet differenti. Hu appella biex dawk kollha interessati jersqu lejn il-PN għaliex il-pajjiż għandu bżonn dawn in-nies, għaliex jistgħu jagħmlu d-differenza.

“Kull ċittadin għandu dritt li jkun jaf dak li għaddej madwaru u huwa dmir u dritt il-ġurnalist li jwassal din l-informazzjoni.” Għalhekk Bernard Grech saħaq li fil-Gvern il-PN se jkun qed isaħħaħ ix-xandir Nazzjonali u jrid jinħoloq bilanċ bi spazju ġenwin għal kull politiku, inkluż il-partiti ż-żgħar u anke s-soċjetà ċivili. Il-Kap tal-PN qal li ma jistax ikun li l-media indipendenti tkun dipendenti fuq il-flus tal-Gvern.  Semma kif hemm każ ċar, dak ta’ Carmelo Abela li uża fondi tal-poplu, biex jirreklama lilu nnifsu. “Il-Prim Ministru baqa’ ċass quddiem dan kollu u baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni kontra dan il-ministru. Il-Prim Ministru huwa kontinwità ta’ dak ta’ qablu.”

Dwar l-enerġija Bernard Grech qal li l-PN għandu pjan ċar għaż-żmien li ġej. Semma kif għas-settur tal-vetturi hemm ukoll pjan biex jonqos it-tniġġis tal-arja, li jwassal għal inqas mard, inqas spejjeż fis-settur tas-saħħa u jkollna pajjiż aktar b’saħħtu b’aktar investiment. Bernard Grech tenna li bl-innovazzjoni nistgħu intejbu l-kwalità tal-ħajja.

Bernard Grech saħaq li għal 27 sena minn ħajtu għix fin-nofsinhar ta’ Malta u għalhekk tkellem dwar il-preġudizzju. “Xi ħaġa li tweġġa’, imma fl-aħħar mill-aħħar kulħadd hu indaqs.” Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li “t-timbri jridu jispiċċaw, kulħadd għandu l-karattru tiegħu u l-personalità tiegħu.” Tenna li “flimkien nistgħu inkissru t-timbri u ma narawx lil xulxin skont kif nidhru minn barra.”

Dwar l-arkitettura u l-estetika ta’ pajjiżna l-Kap tal-PN qal li l-propjetà li għandna f’ċentri urbani rridu nippreżervawhom u għalhekk il-Gvern għandu jagħti inċentivi biex propjetajiet li jagħtu identità ikomplu jiġi preservati.

Dwar koppji żgħażagħ Bernard Grech, qal li hawn ħafna koppji li mhux faċli għalihom li jibdew il-ħajja tagħhom u għalhekk il-koppji li jridu jixtru propjetà  “irridu naraw li jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex ikun hemm aktar serħan tal-moħħ u aktar saħħa biex jxtru l-propjetà tagħhom.”

Dwar il-metro Bernard Grech saħaq li din hi idea tajba ħafna li l-Partit Nazzjonalista proponieha diġà u liema idea kienet ġiet redikolata mill-Partit Laburista. “Il-PN minn dejjem kien strumentali biex saru affarijiet ġodda. U minkejja li l-proposta ilha għaddejja, il-Partit Laburista baqa’ ma għamel xejn. Kien biss fl-aħħar ġranet li qal li qed jagħmel xi ħaġa.”

Meta tkellem dwar il-festa Maltija l-Kap tal-PN qal li għalkemm hu tajjeb li jkun hemm regoli li jħarsu l-individwi, ma jridx ikun hemm kundizzjonijiet li jgħabbuhom iżżejjed. Bernard Grech qal li jekk “verament nemmnu fil-festa Maltija rridu naraw li dawn il-postijiet bħal każini u kmamar tan-nar jibqgħu benniena ta’ arti għaż-żgħażagħ tagħna.” Saħaq li hemm “bżonn li nkomplu ninvestu fihom għaliex jagħtu valur miżjud lit-turiżmu kif ukoll huma mezz ta’ divertiment għaż-żgħażagħ tagħna.”

Il-Kap tal-PN wieġeb aktar domandi tul din ix-xandira u tista’ ssegwi x’qal permezz ta’ din il-link.