Internazzjonali

Spinta ta’ każi fl-Asja fost il-kriżi ta’ spazju fl-isptarijiet

L-Indja u t-Tajlandja rappurtaw numri rekord ta’ każi tal-coronavirus meta mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet – flimkien man-nuqqas ta’ vaċċini u sodod fl-isptarijiet – qegħdin jipperikolaw il-kampanji biex jeħilsu lill-popli tal-Asja mill-pandemija.

Fl-aħħar sigħat, numru kbir ta’ Indjani kienu ddisprati biex isibu post fl-isptar għal qrabathom li qed ibatu konsegwenzi serji mill-virus. Dan meta l-faċilitajiet mediċi fl-Indja bilkemm jistgħu jlaħħqu mal-każi u meta anki qed jispiċċaw il-provvisti tal-ossiġinu f’diversi zoni.

L-Istat Indjan ta’ Maharashtra jinsab f’morsa ta’ ‘tieni mewġa qerrieda tal-virus’, bl-infezzjonijiet jiżdiedu minn siegħa għall-oħra u bit-tobba u l-esperti jsostnu li s-sitwazzjoni hi dovuta għall-varjanti aggressivi tal-virus u ‘in-nuqqas ta’ urġenza mill-awtoritajiet’.

Il-Gvern Indjan, intant, qal li n-nies, fil-parti kbira, mhumiex jobdu r-regoli dwar id-distanzi soċjali u l-ilbies tal-maskri – bl-Indja ‘iżżid’ ‘il fuq minn 200,700 infezzjoni fl-aħħar perjodu speċifiku ta’ 24 siegħa.

It-Tajlandja wkoll tinsab milquta sew mill-pandemija, bis-sistema għall-kura tas-saħħa tiffaċċja d-diffikultajiet kbar fil-kapitali Bangkok.

Il-pajjiż irrapporta ‘il fuq minn 1,500 każ ġdid ta’ infezzjoni li jirriflettu l-akbar qabża ta’ każi lokali mill-bidu tal-pandemija. Minħabba dan is-‘spike’ qed tittieħed dejjem aktar spazju fl-isptarijiet peress li r-regoli fit-Tajlandja jesiġu li l-persuni kollha li jinstabu pożittiv għall-virus ikunu ‘ammessi għall-kura’.

Fl-istess ħin, it-Tajlandja anki qed tikkunsidra miżuri ġodda fuq livell ta’ lockdown.

Is-sodod fl-isptarijiet qed jimtlew ukoll b’rata mgħaġġla fir-reġjun ta’ Manila, fil-Filippini – bil-każi tal-virus lokali jirrankaw bil-kbir. Il-każi konfermati fl-aħħar 30 jum biss għaddew il-266,000 u  qed jagħmlu tajjeb għal 30 fil-mija mill-infezzjonijiet kollha fuq bażi nazzjonali.