Lokali

42 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

“Il-martri m’humiex nies li għaddew minn esperjenzi elfejn sena ilu, li bħal Ġesù refugħhom u għolluhom fuq salib. Il-martri attwali huma nies bħal Daphne Caruana Galizia, li għollewhom u tajruhom sabiex ħallsu b’ħajjithom l-għaliex kellhom il-kuraġġ jikxfu l-verità. Kuraġġ biex jiġġieldu għall-ġustizzju u s-sewwa u bħal Ġesù joħorġu rebbieħa.”

Sostna dan Monsinjur Joseph Bajada waqt quddiesa li saret b’suffraġju għal Daphne Caruana Galizia l-Ġimgħa waranofsinhar fil-Knisja Familja Mqaddsa fil-Bidnija.. f’għeluq it-42 xahar mill-qtil makabru tal-ġurnalista.

Monsinjur Bajada fakkar li ankè Ġesù meta kien fostna iġġieled kontra r-rebgħa u l-korruzzjoni partikolarment b’dak li ra quddiemu fit-tempju fejn farrakk mhux biss l-istrutturi abbużivi imma ankè kixef il-kamla tal-korruzzjoni billi insista fuq il-verità.

Dan filwaqt li aktar tard fi Pjazza Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta, l-għaqda Repubblika flimkien ma’ Occupy Justice organizzaw velja li xxandret b’mod virtwali fejn preżenti għaliha kien hemm is-Sindku ta’ Palermo Leoluca Orlando li għal darb’oħra ħeġġeġ lis-soċjetà Maltija sabiex twarrab l-omertà hekk kif insista li hekk biss nistgħu nilħqu l-milja tal-verità u l-ġustizzja.

Tkellmet ukoll Celia Borg Cardona attivista ta’ Occupy Justice saħqet li fil-bidu tal-protesti paċifiċi fil-Belt Valletta wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, bosta ħassew il-ħtieġa li jsemmgħu leħinhom…għax hekk kien hemm bżonn. Hija insistiet li hawn ħafna nies, inkluż fil-Partit Laburista, li jridu jkunu jafu l-verità. Madanakollu saħqet li l-verità ma tiġix bil-kliem biss iżda bil-fatti.

Robert Aquilina, President tal-għaqda Repubblika, sostna li kieku l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ħadmu u min ħa l-ġurament lejn il-poplu Malti u Għawdxi ma tradewhx – kieku 3 snin u nofs ilu Daphne Caruana Galizia; l-omm, il-mara, il-bint u ħabiba ta’ bosta ma nqatlitx. Madanakollu saħaq li dawn in-nies għażlu li jsiru ħaġa waħda ma’ qarnita mafjuża li ħatfet il-kuriduri ta’ Kastilja.

Huwa staqsa lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn waslet l-investigazzjoni dwar Silvio Valletta, u jekk hux qed issir investigazzjoni rigward is-servizzi sigrieti ta’ Malta kif ukoll x’passi se jkun qed jieħu fil-konfront tal-predeċessur tiegħu Lawrence Cutajar.

Dan filwaqt li insista li l-Prim Ministru Robert Abela ma jistax juża l-arresti ta’ dawk li huwa dejjem iddefenda bħala kisba tiegħu. Dan għaliex, kompla Aquilina, Robert Abela jinsa li dawn qed jiġu arrestati grazzi għal inkjesti li hu nnifsu u l-partit tiegħu għamlu snin twal jirredikolawhom.

Robert Aquilina temm jgħid li l-poplu qed jistaqsi meta Konrad Mizzi se jiġi akkużat fil-Qorti u x’sar minnhom l-investigazzjonijiet dwar il-ħadma ta’ 17 Black fil-Montenegro u l-kumpanija MacBridge.

Preżenti wkoll kien hemm  Rebecca Vincent minn Reporters Without Borders International.