Lokali

BirdLife jirrapportaw kaċċa illegali fuq tajr protett

Mal-ewwel sinjali tal-passa tal-Gamiema minn fuq Malta din ir-rebbiegħa, bdew deħlin immedjatament rapporti mill-pubbliku dwar kaċċa illegali fuq dan l-għasfur protett minn madwar il-Gżejjer Maltin.

Inqas minn ġimgħa mill-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa 2021, BirdLife Malta lbieraħ ma setgħetx tlaħħaq mat-telefonati mill-pubbliku dwar kaċċa illegali rampanti.

Kien hemm xi wħud li qalu li raw tajr protett fosthom Gamiem qed jiġu mniżżla mill-kaċċaturi, b’inċident fl-Għasri Għawdex jispiċċa fuq il-midja soċjali. Sadanittant, timijiet ta’ BirdLife Malta ddokumentaw mill-inqas żewġ inċidenti ta’ kaċċaturi jisparaw u jniżżlu Gamiem protett u rrappurtathom lill-pulizija.

Fl-istess ġurnata rċivejna wkoll Daqquqa Kaħla (tajra oħra protetta) feruta b’tiri ta’ senter.

Waqt li ma kien hemm qatt l-ebda dubju li d-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-Summiena matul il-qofol tal-passa tal-Gamiema hija paraventu li nħoloq b’intenzjoni, l-inċidenti ta’ kaċċa illegali li qed naraw mal-ewwel sinjali tal-passa tal-Gamiem ifissru li l-Kummissjoni Ewropea ma tantx għandha għażla ħlief li tipproċedi bil-proċeduri ta’ ksur kontra din id-deroga.

Aħna se nkunu qed niddokumentaw dawn l-inċidenti biex nissottomettu rapport lill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Virginijus Sinkevičius biex tittieħed aktar azzjoni.

Nirringrazzjaw lill-pubbliku talli qed jagħti sehmu u jirrapporta dawn l-inċidenti u nappellaw lil kulħadd biex jiddokumenta kull episodju ta’ kaċċa illegali li josserva, inkluż kaċċaturi li jkunu qed jikkaċċjaw għall-Gamiem minn ġod-dura, kaċċaturi b’decoys tal-Gamiem jew kull għasfur protett ferut, u jirrapporta mill-ewwel lill-pulizija (Environmental Protection Unit, EPU) fuq 119 u lil BirdLife Malta fuq 7925 5697.