Lokali

Carmelo Abela jibqa’ jonqos li jġorr ir-responsabbiltà

Meta gimghat ilu kien iffaċċjat b’mistoqsjiet dwar x’se jagħmel bis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar wara li rapporti fil-media kixfu kif hi allegatament irċeviet eluf ta’ ewro f’senserija fuq propjetà li ried jixtri Yorgen Fenech…dakinhar il-Prim Ministru Robert Abela kien qalilna li kien se jistenna r-rapport tal-Kummissarju għall-iStandards qabel ma jieħu passi.

Iżda llum, wara li ħareġ Rapport ieħor tal-Kummissarju…iżda fuq każ differenti, Robert Abela baqa’ totalment sieket. Anzi, il-Prim Ministru qed jagħżel li jaħrab lill-media.

Kien jumejn ilu meta l-Kummissarju għall-iStandards sab li l-Ministru Carmelo Abela kien kiser l-etika meta għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi, fejn uża mas-€7,000 għal reklam personali minflok biex iwassal informazzjoni siewja lill-pubbliku. Imma sal-lum, il-Ministru Carmelo Abela mhux lest iġorr responsabbilità ta’ dak li għamel jew tal-anqas jammetti li aġixxa f’mod  inaċċettabbli. U qed jghid illi se jistenna li dan ir-rapport imur quddiem il-Kumitat Parlamentari, kif inhi il-prassi.

Ma’ Net News, il-Ministru baqa’ jinsisti li hu għad għandu xi jgħid dwar dan il-każ, f’turija ċara li minkejja r-rapport b’saħħtu li għamel George Hyzler, il-Ministru lanqas hu lest li jammetti l-iżball – aħseb w’ara kemm se jġorr ir-responsabbiltà tiegħu.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler kien ċar meta ddikjara li l-kampanja ta’ reklamar li swiet aktar minn 7,000 ewro saret bit-tir evidenti li tippromwovi lill-Ministru.

Iżda għal Carmelo Abela jidher li mhemmx lok li tinġarr responsabbilta politika.