Internazzjonali

Covid-19: L-ekonomija tar-Renju Unit qed tirpilja…bil-Ġermanja tiffaċċja sitwazzjoni ‘gravi’

L-ekonomija tar-Renju Unit qed tibda tirpilja fost attività ġdida wara xhur ta’ restrizzjonijiet minħabba l-effetti tal-coronavirus. Dan joħroġ minn riċerka li hi wkoll relatata mal-ingaġġ ta’ ħaddiema, bl-opportunitajiet tax-xogħol qed jerġgħu jiżdiedu fil-pajjiż.

Skont ir-Recruitment and Employment Confederation  (REC) kien hemm reklamati mal-140,000 opportunità għal xogħol (vacancies) matul il-ġimgħa li wasslet sa-11 ta’ April – u għal total ta’ 1.37 miljuni mindu l-pajjiż beda jagħmel progress kontra l-virus.

Fil-ġimgħa ta’ qabel kienu reġistrati 181,000 vacancies oħra bħala l-ogħla ċifra ta’ opportunitajiet għal xogħol għal ġimgħa waħda mill-bidu tal-pandemija

Il-bidu ta’ Marzu wkoll kien tajjeb ħafna fejn jidħol reklamar għal xogħol fir-Renju Unit. Intant, l-osservaturi qalu li l-attività ġdida fil-ħwienet tax-xagħar u tal-ħwejjeġ flimkien mal-fatt li n-nies qed jerġgħu jimlew il-beer gardens tal-pubs huma l-aqwa sinjal li l-ekonomija nazzjonali ħadet nifs ġdid. Dan meta l-fiduċja tal-Britanniċi fil-ġejjieni qed tkun riflessa wkoll fir-reklamar għax-xogħol fid-diversi setturi,.

Neil Carberry, il-Kap Eżekuttiv tal-REC, qal li d-domanda għax-xogħol fis-settur tal-ospitalità hi ħaġa pożittiva ħafna għar-Renju Unit wara li l-pubs u r-ristoranti, din il-ġimgħa, reġgħu bdew iservu lill-klijenti fuq barra.

Carberry saħaq ukoll li filwaqt li r-rollout tal-vaċċini kontra l-Covid fir-Renju Unit jibqa’ l-għira tad-dinja, in-negozji u l-oqsma kummerċjali f’dan il-pajjiż huma fiduċjużi li x-xejra pożittiva għandha tkompli fil-ġimgħat li ġejjin u fost it-tkattir tal-investiment li awtomatikament jissarraf f’xogħol ġdid għal kulħadd.

Sadanittant, Carberry u esperti oħra fil-qasam tax-xogħol qalu li mhux kull industrija fir-Renju Unit għandha tirkupra bl-istess rata u meta numru ta’ ħaddiema, fil-futur, se jkollhom jitrasferixxu għal xogħol ġdid.

Filwaqt li r-Renju Unit qed iħares ‘il quddiem b’ottimiżmu, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, wissiet dwar ‘sitwazzjoni serja ħafna f’pajjiżha’.Hi, intant, qed tħeġġeġ lill-Parlament f’Berlin biex japprova liġi ġdida li tobbliga lill-mexxejja nazzjonali biex jimponu l-curfews u l-lockdowns ladarba l-infezzjonijiet bil-Covid-19 jaqbżu ċertu livell.

Meta indirizzat lill-Parlament, Merkel irrepetiet  li ‘kulħadd irid jaċċetta s-sitwazzjoni mill-aktar serja li l-pajjiż jinsab fih’, filwaqt li fakkret li ‘il-Ġermanja spiċċat fil-morsa tat-tielet mewġa tal-virus’. Il-Kanċillier enfasizzat li l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa ‘qegħdin litteralment jibku għall-għajnuna’ u li l-politiċi u l-kapijiet tar-reġjuni huma fid-dmir li jagħmlu l-parti tagħhom.

Merkel qed tittama li l-Parlament Ġermaniż jikkonferma poteri għall-Gvern federali biex jiffissa l-lockdowns fl-aktar zoni u reġjuni tal-pajjiż fejn il-coronavirus hu l-aktar rampanti. Fl-istess ħin, is-sostenituri tal-abbozz ta’ liġi li jwitti t-triq għall-miżuri riġidi fil-Ġermanja qegħdin jgħidu li l-miżuri għandhom jittieħdu ‘issa’ mingħajr aktar telf ta’ żmien.

Dawn is-sostenituri saħqu li ‘kapaċi jkun tard wisq’ sal-ħin ( nhar l-Erbgħa) li jittieħed il-vot finali fil-Parlament dwar  il-miżuri –u meta ‘il quddiem ikun għad jonqos l-approvazzjoni tal-kamra ta’ fuq tal-Assemblea f’Berlin.