Internazzjonali

Covid-19: Riskju ħafna akbar ta’ trombożi mill-infezzjoni nnfisha milli mill-vaċċini

Ir-riċerkaturi Britanniċi qed jgħidu li l-potenzjal ta’ trombożi hu bil-wisq ogħla f’każi ta’ infezzjoni mill-Covid-19 milli hu l-każ fejn jidħlu l-vaċċini kontra l-virus. L-istess riċerkaturi li qed imexxu l-istudji intensivi ħarġu b’din l-analiżi wara li r-rollout tat-tilqim kontra l-coronavirus sab l-intoppi minħabba rapporti dwar il-‘blood clots’ rari.

It-Tmexxija tal-kumpaniji (rispettivi) AstraZeneca u Johnson & Johnson raw rapporti mill-aktar rari dwar it-trombożi fil-moħħ (cerebral venous sinus thrombosis (CVST)) li kienu marbutin mal-vaċċini tagħhom. F’nofs il-ġimgħa, l-Istati Uniti ma komplietx bit-tilqim tal-Johnson and Johnson fost l-investigazzjonijiet dwar l-allegata rabta mat-trombożi.

Fil-fatt, spikkat ukoll id-deċiżjoni tad-Danimarka biex, għalissa, twaqqaf it-tilqim bil-vaċċin tal-Johnson& Johnson f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Madankollu r-regolaturi tal-mediċina Britanniċi u Ewropej komplew jenfasizzaw li l-benefiċċji tat-tilqim jissuperaw bil-kbir l-element ta’ sogru.

Intant, studju li bbaża fuq 500,000 pazjent bil-Covid-19 sab li l-każi tas-CVST seħħew b’rata ta’ ‘39 minn miljun wara l-infezzjoni’. Fl-istess waqt , studju tal-European Medicines Agency (EMA) wera li ħames persuni f’miljun irrappurtaw każi ta’ trombożi wara li ngħataw it-tilqima tal-AstraZeneca.

Hu partikularment sinifikanti li r-riċerkaturi qalu, wara studju bir-reqqa, li s-sogru ta’ trombożi hu ‘bejn tmienja u għaxar darbiet ogħla’ fi bniedem li jispiċċa infettat bil-Covid-19 milli hu l-każ fil-vaċċini eżistenti għal kontra l-marda.

Skont Maxime Taquet, tal-Oxford’s Department of Psychiatry, ‘is-sogru ta’ CVST wara l-Covid-19 jidher li hu sostanzjalment ogħla minn ta’ sitwazzjoni fejn persuna tkun tlaqqmet bil-vaċċin tal-Oxford-AstraZeneca’.

Maxime Taquet kompla li r-rata ta’ mortalità mis-CVST hi madwar 20 fil-mija – irrispettivament jekk hix dovuta għall-infezzjoni tal-Covid-19 inkella għal xi vaċċin kontra l-virus. Dan meta t-tiġmigħ tad-demm jibqa’ l-element ewlieni ta’ sogru f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Ir-riċerkaturi anki enfasizzaw li l-Covid-19 hu assoċjat ma’ aktar problemi ta’ demm miġmugħ mis-CVST u li jinkludu attakki ta’ puplisija. Huma sostnew ukoll li l-aħħar dibattitu u polemika dwar il-vaċċini tellfu l-attenzjoni tal-awtoritajiet mill-impatt potenzjali terribbli tal-coronavirus.

John Geddes, id-direttur tal-NIHR Oxford Health Biomedical Research Centre, qal li l-istudji relatati mal-vaċċini huma importanti ħafna għaliex jgħinu biex l-attenzjoni tibqa’ fuq l-aktar fattur importanti – ‘li l-Covid-19 hi marda terribbli li tikkaġuna varjetà ta’ effetti perikolużi fil-bniedem, mhux lanqas, is-sogru akbar tas-CVST.’

Ir-riċerkaturi mal-Università ta’ Oxford qalu li huma ħadmu b’mod indipendenti mill-esperti tal-vaċċini ma’ Oxford li kienu żviluppaw it-tilqima tal-AstraZeneca.