Futbol Sport

Dalwaqt fid-9:30pm fuq Net Television | Aktar rakkonti mill-imgħoddi tal-futbol Malti

Illejla, fid-9:30pm fuq Net Television, tixxandar edizzjoni oħra tal-Ġimgħa filgħaxija, Replay Preview b’aktar servizzi u rakkonti mill-istorja tal-futbol Malti. Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, fil-programm ta’ din il-ġimgħa se nkunu qed insegwu waħda mill-intervisti li saret aktar kmieni f’dan l-istaġun, mal-eks plejer internazzjonali ta’ Malta, John Bonett mir-rubrika tant popolari, ‘X’Sar Minnhom?’.

Micallef kien iltaqa’ ma’ Bonett, eks attakkant ta’ Melita u Sliema Wanderers rispettivament, fir-restorant u wieħed mill-isponsors ewlenin ta’ dan il-programm, Il-Veduta li jinsab fis-Saqqajja. Bonett għandu passatt interessanti fil-futbol, fejn lagħab f’disa’ partiti internazzjonali ma’ Malta.

F’Replay Preview tal-lejla se jixxandru ukoll diversi servizzi qosra mir-rubrika ‘Eku tal-Passat’, b’rakkonti ta’ partiti u episodji partikolari mill-imgħoddi tal-futbol Malti. Fost l-oħrajn illum se nkunu qed nerġgħu ngħixu r-rakkont ta’ waħda mill-isbaħ partiti li lagħbet Malta fis-snin 80 u li mhux kulħadd ifakkar. Din hija l-logħba f’Ta’Qali kontra Spanja, u li kienet intemmet 3-2 favur l-avversarji.

Mill-istess rubrika tant riċerkata, lilhinn mir-rakkonti dwar it-tim nazzjonali, fuq livell ta’ klabbs, fost l-oħrajn se nsegwu rakkont ta’ żewġ finali tal-FA Trophy li kienu ntlagħbu lejn l-aħħar tas-snin 80 bejn Ħamrun Spartans u Floriana. Għal sentejn fuq xulxin, dawn iż-żewġ klabbs kienu affrontaw lil xulxin fis-snin 1988 u 1989.

Replay Preview tal-lejla jibda fid-9:30pm fuq Net Television.