Internazzjonali

Hong Kong: Ħabs għal sinjurun tal-media li hu wkoll kritiku kbir taċ-Ċina

Is-sinjurun tal-media Jimmy Lai – magħruf ukoll bħala kritiku kbir tal-Gvern komunista taċ-Ċina – spiċċa kundannat għal 14-il xahar ħabs wara li nstab ħati li kien protagonista f’dimostrazzjoni illegali li saret ftit snin ilu f’Hong Kong.

Lai u diversi attivisti oħra favur id-demokrazija tressqu l-qorti fl-aħħar sigħat wara li (qabel) kienu nstabu ħatja dwar reati konnessi mad-dimostrazzjonijiet tal-massa tal-2019 favur id-demokrazija fl-eks kolonja Britannika.

Jimmy Lai, il-fundatur tal-Apple Daily, kemm-il darba jikkritika l-politika ripressiva taċ-Ċina u s-sentenza tiegħu kienet ikkonfermata fi żmien meta r-reġim ta’ Beijing qed inaqqar mid-drittijiet u l-libertà ta’ Hong Kong li kien għadda taħt sovranità Ċiniża fl-1997.

Intant, kienu anki konfermati s-sentenzi għal attivisti oħra li parteċipaw f’żewġ dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija li saru f’Awwissu tal-2019. Fost dawn hemm l-attivista veteran Martin Lee, li għamndu 82 sena u l-avukata Margaret Ng, li t-tnejn ingħataw sentenzi ta’ ħabs sospiżi.