Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jfakkar it-18-il sena mill-iffirmar tas-sħubija fl-UE

“Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-ħiliet tiegħu u taċ-ċittadini tiegħu, iżda kien u għadu jemmen ukoll li postu huwa parti mill-familja Ewropea”.

Hekk kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’post fuq Facebook fejn fakkar fil-viżjoni li dejjem kellu l-Partit.

Bernard Grech qal li din il-viżjoni seħħet meta 18-il sena ilu l-Prim Ministru Eddie Fenech Adami ffirma t-Trattat ta’ Sħubija f’Ateni, xena li tibqa’ għal dejjem f’moħħ dawk il-Maltin u Għawdxin kollha li ħadmu u emmnu bis-sħiħ li l-futur ta’ Malta hu fl-Unjoni Ewropea.

Illum, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, m’hemmx dubju li dan issarraf f’ġid ekonomiku, soċjali, kulturali u opportunitajiet għall-poplu kollu u li ħalla riżultati f’kull settur ta’ pajjiżna. Kburin li aħna, il-familja Maltija u Għawdxija, aħna parti minn waħda ikbar – dik Ewropea.