Lokali

Il-Ministru tal-istrateġija għadu mingħajr strateġija

Owen Bonnici, il-Ministru responsabbli mill-Ko-ordinazzjoni tal-istrateġija tal-Post Covid-19… għadu mingħajr strateġija.

Mistoqsi direttament minn Net News jekk jistax joffri ħjiel lill-poplu Malti u Għawdxi dwar il-pjan tal-irkupru ekonomiku, il-Ministru Bonnici sostna li l-konsultazzjonijiet għadhom għaddejjin – turija ċara li dan il-Gvern għad m’għandux pjan rigward il-pass li jmiss wara li tghaddi l-pandemija.

Filwaqt li Owen Bonnici għadu ma offra xejn tanġibbli rigward it-triq il-quddiem wara l-pandemija, fejn insista li l-pjan huwa mmirat li jibda jitħabbar qabel Ġunju, l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering sostniet li fl-ahhar sena wieħed minn kull ħamsa għalqu n-negozju tagħhom… bi 12% oħra qed ibiegħu l-istabbiliment tagħhom, jew se jwilluh.

Dan ifisser li hemm ħafna ristoranti li ma felħux għad-daqqa tal-pandemija.

L-Assoċjazzjoni saħqet li b’mod mill-aktar inġust l-istabbilimenti tal-catering spiċċaw jingħataw il-ġenb, minkejja li l-istatistika kienet qed turi li l-firxa tal-pandemija ma kienetx tort tal-ftuħ tar-ristoranti.

L-ACE appellat sabiex l-Awtoritajiet tas-Saħħa jagħtu każ b’serjetà tas-saħħa mentali ta’ dawn il-ħaddiema u s-sidien tal-istabbilimenti.