“Nemmnu li ż-żgħażagħ huma l-preżent kif ukoll il-futur tal-Partit Nazzjonalista u tal-pajjiż. Għalhekk bħala parti mit-tkomplija ta’ proċess u ta’ tiġdid li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista, llum tajna bidu għall-proċess ta’ konsultazzjoni, kemm fuq livell intern bħala partit kif ukoll wieħed estern, fuq programm elettorali għaż-żgħażagħ għaliex irridu nassiguraw li noħolqu l-aħjar proposti immirati speċifikament għalihom sabiex ikomplu jsibu opportunitajiet ġodda biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom kif ukoll igawdu minn kwalita’ tal-hajja aħjar.”
Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa mar-rappreżentanti taż-żewġ fergħat taż-żgħażagħ tal-partit il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) u Team Start PN fejn ingħata bidu għall-proċess tat-tfassil ta’ programm elettorali għaż-żgħażagħ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jrid li parti mill-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista jirrifletti l-ħtiġijiet reali taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin sabiex iż-żgħażagħ jibqgħu jimxu ‘l quddiem u jirnexxu bil-ħiliet tagħhom, u mhux ikkontrollati mill-Gvern, u jieħdu r-riedni tal-futur tagħhom f’idejhom.
F’dan il-pass importanti tat-tfassil tal-programm elettorali, l-MŻPN u Team Start PN qegħdin jiltaqgħu u jikkonsultaw mal-għaqdiet u NGOs li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ u se jkunu jistgħu jibnu, jippreparaw u jressqu lejn il-partit proposti elettorali għal dak li se jkun wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politika tal-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali tiegħu, li huwa ż-żgħażagħ. Dan biex il-programm elettorali jkun riflessjoni ta’ dak li għandha bżonn is-soċjeta’ Maltija għal dan is-settur.
Claudio Grech, il-Kelliem għat-Tiġdid Politiku u responsabbli mit-Trasformazzjoni u l-Innovazzjoni tal-Politika tal-Partit Nazzjonalista u t-tfassil tal-Programm Elettorali qal li l-politika tal-Partit għaż-żgħażagħ se tkun mibnija fuq il-bżonn u l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw ġejjieni aħjar, aktar opportunitajiet u fuq kollox l-opportunita’ li jgħixu u jibnu l-familja u l-ħajja tagħhom f’soċjeta’ u pajjiż fejn il-kwalita’ tal-ħajja tingħata l-ikbar importanza. Qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li jrid jinbena aktar fuq il-proposti u l-ideat taż-żgħażagħ filwaqt li tkellem kif il-programm ċlettorali tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħseb f’diversi faxex tas-soċjeta’, mhux b’anqas bi proposti għall-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, kif rifless ukoll fil-ħidma taż-żewġ fergħat.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Karl Gouder qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li nibnu politika biex ikollna pajjiż aħjar għaż-żgħażagħ tagħna, u jkollna pajjiż aħjar għalina lkoll. L-aħjar politika hija dik li nagħmluha man-nies u għalhekk huwa kruċjali li nibnu politika maż-żgħażagħ u jkollna liż-żgħażagħ magħna biex nibnu ‘l politika tagħna pass pass magħhom.
Min-naħa tagħhom, Il-President tal-Moviment Żghazagh Partit Nazzjonalista Joseph Grech u l-President ta’ Team Start PN Eve Borg Bonello tkellmu fuq l-obbligu li ghandu l-Partit Nazzjonalista li l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu parti mill-qafas tal-programm elettorali ta’ partit, li huwa d-dar naturali taż-żgħażagħ u għandu l-bibien tiegħu miftuħin għalihom.
//= $special ?>