Lokali Sport

Ir-ramel il-ġdid tal-korsa taż-żwiemel tal-Marsa huwa ħażin ukoll

Wara pressjoni mill-Oppożizzjoni permezz tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Clyde Puli, il-Gvern assigura li din il-ġimgħa kien se jintefa r-ramel il-ġdid, jidher li dan ir-ramel huwa ħażin.

Wara li kienu bosta d-dilettanti taż-żwiemel li fl-aħħar xhur tkellmu mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport, huma argumentaw kif dan ir-ramel huwa perikoluż għaż-żwiemel u li xħin jgħaddu minn fuqu jistgħu iweġġgħu b’konsegwenza li dan ir-ramel li huwa ‘ġdid’ se jkollu jinbidel minkejja li għadu kemm inġieb pajjiżna fl-aħħar jiem.

Dan kien ukoll konfermat mill-Malta Racing Club hekk kif ħabbret li l-ftuħ mill-ġdid tal-korsa tal-Marsa kien ser jittardja aktar hekk kif ir-ramel li wasal f’pajjiżna ma kienx addattat għaż-żwiemel.

Nhar it-Tnejn li għadda permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook u wara n-numru ta’ ġimgħat jappella fil-Parlament, Clyde Puli kkumenta wkoll dwar l-istat ħażin li fih jinsabu t-toroq ta’ madwar il-korsa tal-Marsa fejn dan ukoll huwa perikoluż għaż-żwiemel.

Fl-istess waqt, id-dilettanti taż-żwiemel kif ukoll bosta sportivi oħra għad m’għandhom l-ebda data dwar meta dawn se jkunu jistgħu jirritornaw għat-taħriġ tagħhom wara li l-Gvern naqas milli jikkonsulta mal-assoċjazzjonijiet qabel ma’ fis-7 ta’ April ħabbar li l-isport f’pajjiżna kien se jibqa’ projbit.