Lokali Qorti

Mhux ħati li kkaġuna feriti gravi għax kien qed jiddefendi lil ommu minn agressjoni

Raġel ma nstabx ħati mill-Maġistrat Rachel Montebello li kkaġuna feriti gravi għax huwa ħebb għal raġel ieħor biex jiddeffendi lil ommu li kienet qed tiġi aggredita.

Amr Baddar residenti ż-Żejtun ma nstabx ħati li fis-16 ta’ Mejju 2017 għall-ħabta tas-7:30pm. fiż-Żejtun, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddiehor f’periklu ċar, ħebb għal Kevin Spiteri u kkaġunalu ġriehi gravi.

Baddar ammetta li ta daqqa ta’ ponnu u kisser żewġ sinniet ta’ Spiteri u li għamillu ġerħa f’xuftejh. Mill-fatti li ħarġu jirriżulta li Baddar kien qiegħed ma’ ommu meta kienu qegħdin iħottu xi ħwejjeġ fil-garaxx tagħha li jinsab f’kumpless ta’ garaxxijiet u residenzi.

Dawn l-oġġetti kienu ġew trasportati għal fuq il-post permezz ta’ vann misjuq minn terzi u meta l-vann kien ħiereg mill-partijiet komuni tal-kumpless, instaq b’mod storbjuż u eċċessiv u b’hekk ikkaġuna inkonvenjent lil Kevin Spiteri li joqgħod f’residenza fil-pjan terran tal-blokk ta’ appartamenti li jmiss mal-komun tal-garaxxijiet.

Dak inhar Kevin Spiteri ħareg mill-grada li tifred il-parapett tar-residenza tiegħu minn mal-partijiet komuni, fejn dak il-ħin kienu jinsabu l-imputat, ommu u żewġt iħbieb tiegħu u mar dritt fuq il-mara biex jaggrediha. F’tebqa’ t’għajn Spiteri qala’ daqqa ta’ ponn f’wiċċu u sofra minn sfreġju .

Baddar qal fil-Qorti, “Iva tajtu daqqa ta’ ponn biex niddefendi lil ommi wara li ħebb ghaliha. Huwa fisser kif Kevin Spiteri l-ewwel ħareġ bir-rabja fil-parapett tiegħu u mar għas-sodisfazzjon għax beda jdejjqu l-istorbju.

Meta ommu qaltlu li fadallhom iniżżlu ftit affarijiet biss qabel jitlqu, l-istess Kevin Spiteri fetah il-grada tal-parapett u ħareġ jiġri biex isawwatha. Kevin Spiteri spjega illi kien ħareġ jara x’ġara għaliex sema’ ħoss kbir ta’ vettura ħierġa sparata mill-komun fejn jinsabu l-garaxxijiet u kif ħareġ, staqsa dwar l-istorbju.

Qal li l-mara qabdet tgajjat u qaltlu. ‘ma nistax indahhal affarijiet’? Omm l-imputat Afaf Abdalla xehdet li Kevin Spiteri beda jidgħi, fetah il-grada u ħebb għaliha.

Qale tli binha daħal bejnha u bejn Kevin Spiteri u f’sekonda rat lil Spiteri jaqa’ u daqshekk. Daniel Camilleri li kien qiegħed jgħin lill-imputat iħott l-affarijiet fil-garaxx, xehed illi hekk kif telaq it-trakk tat-trasport minn fuq il-post – b’daqsxejn storbju u veloċita eċċessiva – ħarġet persuna mill-parapett “jgħajjat, jidgħi” u b’attitudni aggressiva ħafna.

Huwa qal li kieku kienet ommu l-istorja jaħseb li kienet tkun l-istess. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Charlotte Curmi u Roderick Attard filwaqt li għal Baddar deher l-Avukat Joe Giglio.