Raġel ta’ 59 sena miż-Żejtun tilef ħajtu traġikament wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar ħames sulari minn fuq bejt ta’ blokka appartamenti u penthouse f’Ħaż-Żabbar.
Jirriżulta li għall-ħabta tal-4.15pm, ir-raġel kien qed jagħmel xi xogħol fuq il-bejt tal-blokka, fi Triq John Delia, b’NET News jinsab infurmat li hu aktarx tilef il-bilanċ u waqa’ kawża tar-riħ qawwi li fl-aħħar sigħat ħakem il-gżejjer Maltin.
Fil-post waslu Pulizija u tim mediku b’Ambulanza, li iżda, sfortunatament marret lura vojta, hekk kif ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fil-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Rachel Montebello, li qed tmexxi Inkjesta, assistita minn għadd ta’ esperti tal-Qorti, b’aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Sadanittant, dan il-każ isegwi inċident simili li seħħ l-Erbgħa, meta Albaniż tilef ħajtu traġikament wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar seba’ sulari.
Dak il-każ ukoll kien seħħ fi blokka appartamenti, li iżda għadha qed tinbena, fi Triq il-Qrempuċ f’Marsaskala, bil-ħaddiem jaqa’ f’xaft u wkoll ikun iddikjarat mejjet fil-post.
//= $special ?>