Lokali

Ramona Attard xempju li tal-Labour ġew ordnati jappoġġjaw lil Carmelo Abela

L-amministrazzjoni Laburista mmexxija minn Robert Abela qed toħroġ għonqha biex tappoġġja lill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, wara li nstab ħati li uża aktar minn €7,000 minn flus il-poplu biex jippromwovi lilu nnifsu.

Iżda quddiem dawn il-fatti, l-amministrazzjoni tal-Lejber qed tagħmel minn kollox biex tmewwet il-gravità tal-ħtija. Fost l-oħrajn, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard, li f’konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ, uriet li ma tantx se toqgħod fuq dak li kkonkluda George Hyzler.

Ir-rapport dettaljat tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien ċar fil-konklużjoni tiegħu, jiġifieri li s-€7,000 li swiet din il-kampanja ta’ reklamar intużaw bit-tir ewlieni li jippromwovu lill-Ministru u għall-ġid tal-pajjiż.

Iżda minkejja dan, il-President tal-Partit Laburista qalet li hi se tkun qed toqgħod biss fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Min-naħa l-oħra, Ramona Attard użat lingwaġġ differenti meta kkonfrontata bil-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru dwar il-futur politiku ta’ Rosianne Cutajar wara l-allegazzjonijiet li jorbtuha mill-qrib mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan hekk kif – f’dan il-każ – hi qalet li għandhom ikunu rrispettati l-proċessi kollha għax, skont hi, dawn huma żewġ każi kompletament differenti.