Internazzjonali

Stati Uniti: Diversi vittmi ta’ sparatura oħra…din id-darba f’Indianapolis

Il-pulizija fil-belt ta’ Indianapolis ikkonfermaw li talanqas tmien persuni tilfu ħajjiithom fi sparatura li seħħet f’faċilità tal-kumpanija FedEx. L-attakk – li rriżulta wkoll f’diversi midruba —  twettaq minn raġel li kien armat b’arma awtomatika u li, imbagħad, spiċċa joqtol lilu nnifsu fuq il-post.

L-awtoritajiet li kienu qed jiġbru d-dettalji dwar il-qtil tal-massa qalu, fl-aħħar sigħat, li ‘ma kienx hemm aktar theddida għall-pubbliku’.

Filwaqt li magħruf li l-aggressur ma kellux il-kompliċi ‘preżenti’, l-investigazzjonijiet mistennija jkomplu fit-tul, meta numru ta’ midruba, bħalissa, jinsabu rikoverati l-isptar.

Mhux magħruf  xi skop kellu l-aggressur, bil-kumpanija FedEx qed tikkoopera ‘bis-sħiħ’ fl-investigazzjoni. Dan il-każ terribbli seħħ ftit jiem wara li l-President Amerikan Joe Biden kien ħabbar passi biex jissikka l-kontroll għall-armi tan-nar fil-pajjiż, wara sensiela ta’ sparaturi simili għal ta’ Indianapolis.