Lokali Qorti

Suspettat traffikant tad-droga jingħata l-libertà proviżorja

Suspettat traffikant tad-droga minn Ħaż-Żabbar li ħabat ma’ ’roundabout’ wara li allegatament ipprova jaħrab lill-Pulizija li kienu qed isegwuh lejn in-Nofsinhar ta’ Malta ingħata l-libertà proviżorja.

It-talba għall-pleġġ ġiet milqugħa fuq depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ l-istess ammont, f’waħda mill-aħħar seduti tal-Maġistrat Audrey Demicoli wara li hija ġiet promossa għal Imħallef.

Josef Zammit, ta’ 29 sena, qed jiġi akkużat li rreżista b’mod vjolenti l-arrest u kkawża aktar minn €2500 fi ħsara fuq karozzi ta’ diversi persuni, li saq b’mod perikoluż, traskurat u negliġenti, naqas milli jieqaf meta ordnat mill-pulizija, li sar reċidiv u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tiegħu. Huwa qed jiġi akkużat ukoll fuq pussess ta’ kannabis.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca qal fil-qorti li l-pulizija bdew jagħmlu sorveljanza fuq Zammit dan ix-xahar stess, wara li rċievew informazzjoni li kien involut fit-traffikar tad-droga.

Huwa ġie osservat jiskambja affarijiet ma’ numru ta’ nies waqt li kien fil-karozza tiegħu. Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti waqt il-bidu tal-kumpilazzjoni l-Ispettur Mercieca qal li l-akkużat ħareg mir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żabbar u beda jsuq lejn Bormla.

Il-Pulizija li segwewh u nizlu għalih fejn talbuh biex jieqaf, iżda hu baqa sejjer. Huwa ħareġ minn Bormla u mar lejn il-Fgura. Il-Pulizija ghalqulu t-triq u saq ‘one way’ u spiċċa biex daħal fuq karozzi pparkjati u tela fuq ’roundabout’ u saq dritt.

Fi ftit tal-ħin huwa ġie iċċirkondat u arrestat. Saret tfittxija fuq il-persuna u l-vettura tiegħu u nstabu tliet mobajls u flus kontanti fl-ammont ta’ €1,370. Wara l-Pulizija marru jiftħu r-residenza tiegħu, iżda ma kien hemm ħadd.

Dak inhar stess il-Pulizija raw lil missieru, Mario Brignone, ħiereg u li dan kellu fil-pusses tiegħu ammont ta’ flus , basket bi €12,000 u vażetti mimli b’ħafna muniti tal-flus għar. Huwa wkoll ipprova jitlaq minn fuq il-pst,

Sadanittant Josef Zammit qal li lest li jagħmel tajjeb ghal ħsara volontarja li wettaq fuq il-karozzi filwaqt li qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih

Il-Qorti laqgħet it-talba għal libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €4,000 oħra, li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar bejn it- 8.00am u t-8.00pm. u li jkun id-dar bejn id-9.00am u s-7.00pm.

Josef Zammit, imlaqqam “Marozz”, flimkien ma’ kuġinuh Joseph Brignone, allegatament kienu qed imexxu ċirku ewlieni ta’ provvista tad-droga fix-xlokk ta’ Malta

Zammit kien ġie arrestat mill-pulizija fl-10 ta’ Mejju 2020 u ġie akkużat bil-pussess illegali ta’ droga, armi u ħasil ta’ flus. Huwa kien ġie mixli wkoll li kellu attività sesswali ma’ minuri ,tfajla tiegħu ta’ 15-il sena. Għalih qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb.