Knisja Lokali

Tirritorna l-quddiesa minn nhar il-Ħadd li ġej

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Minn nhar il-Ħadd li ġej, l-Insara ser ikunu jistgħu jerġgħu jipparteċipaw fil-quddies fil-knejjes f’Malta u Għawdex. Dan wara r-reviżjoni tal-miżuri
li tħabbru mill-Awtoritajiet tas-Saħħa l-ġimgħa li għaddiet.

F’messaġġ fuq il-media soċjali, l-Arċisqof Charles Scicluna stieden lil kull min jista’, sabiex il-Ħadd li ġej jinġabar fil-knejjes biex jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jirċievi l-Ewkaristija.

L-Insara huma mħeġġa jattendu għall-quddies mal-komunità filwaqt li jkomplu jħarsu l-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa kif sar qabel. Id-dispensa tal-obbligu tal-quddies tal-Ħadd mogħtija mill-Isqfijiet is-sena l-oħra għalissa ser tibqa’ fis-seħħ.