Coronavirus Lokali

Wieħed minn kull ħames ristoranti għalaq fl-aħħar sena

Studju li sar fost dawk li jfornu lill-istabbilimenti tal-catering wera kif fl-aħħar sena – bejn Marzu 2020 u Marzu 2021 – wieħed minn kull ħames ristoranti għalqu għalkollox. L-istudju kien ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) u jirrifletti l-istudji li wrew kif fl-2020, 24% tal-istabbilimenti qalu li kienu qed jikkunsidraw li jagħlqu.

L-istudju wera wkoll kif, minbarra dawk li għalqu, 12% oħra tal-istabbilimenti jinsabu fil-proċess li jinbigħu jew jinkrew. Dwar dan kollu, l-ACE qalet fi stqarrija li mhux ġust li l-istabbilimenti tal-catering intalbu jagħlqu, minkejja li l-istatistika turi kif il-virus ma nxteridx kawża tar-ristoranti miftuħin.

L-ACE qalet li, iżda, l-Awtoritajiet tas-Saħħa ddeċiedew li jiddiskiminaw kontra s-sidien u l-impjegati tar-ristoranti billi ċaħħduhom minn xogħolhom u allura mill-ħobża ta’ kuljum. Filwaqt li qalet li qed tirċievi diversi rapporti ta’ sidien li qed ibatu minn problemi mentali, l-Assoċjazzjoni qalet li qed iżżomm kuntatt ma’ Psikologi, li kkonfermaw din iż-żieda fir-rapporti.

L-ACE qalet li ħajjet is-sidien tar-ristoranti hi imporanti u għandha titqies hekk ukoll għall-Awtoritajiet tas-Saħħa. Għalhekk tenniet l-appell biex ir-ristoranti jinfetħu u jinħarġu l-vouchers mill-aktar fis, filwaqt li l-wage supplement tibqa’ tingħata sal-aħħar tas-sena.