Futbol Sport

Zlatan Ibrahimovic jaffaċja sospensjoni mill-futbol b’rabta ma’ kumpanija tal-‘betting’

Zlatan Ibrahimovic qed jaffaċja mat-tliet snin sospiż mill-futbol b’rabta ma’ kumpanija tal-betting ibbażata f’Malta. B’hekk il-karriera ta’ Ibrahimovic tista’ tintemm ħesrem fuq dawn l-akkużi wara li aktar kmieni din is-sena ħabbar r-ritorn tiegħu mat-tim nazzjonali tal-Iżvezja filwaqt li jinsab viċin li jġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Milan.

Il-gazzetta Żvediża ‘Aftonbldaet’ qalet li kumpanija ta’ Ibrahimovic hija s-sid ta’ 10% tal-kumpanija tal-betting ‘Bethard’. Ir-regoli tal-FIFA u tal-UEFA huma ċari u jesiġu li l-ebda plejer tal-futbol ma’ jista’ jkollu interess finanzjarju f’kumpaniji simili.

L-istess gazzetta irrapurtat ukoll li l-Assoċjazzjoni tal-futbol Żvediża ilha taf b’dawn l-allegazzjonijiet fuq tliet snin, u kien għalhekk li Ibrahimovic ma ġiex mgħajjat għat-Tazza tad-Dinja tal-2018, minkejja li kien hemm spekulazzjon li seta’ jirritorna wara li rtira mill-futbol internazzjonali fl-2016.