Futbol Sport

Barcelona jirbħu l-Copa del Rey wara rebħa kbira fuq Athletic Bilbao

(Ritratt: EPA)

Barcelona rebħu l-Copa del Rey ta’ dan l-istaġun meta fil-finali għelbu bl-aktar mod konvinċenti lil Athletic Bilbao 4-0. Il-goals kollha tal-partita waslu fl-aħħar nofsiegħa.

Barcelona fetħu l-iskor mas-siegħa logħob meta minn cross fil-baxx ta’ Frankie de Jong, kien ANTOINE GRIEZMANN li kkonkluda għal 1-0. Tliet minuti wara, FRANKIE DE JONG għamilhom 2-0 b’konklużjoni bir-ras fuq cross ta’ Jordi Alba. Fit-68 minuta, azzjoni maħduma b’mod tajjeb bejn Lionel Messi u de Jong, bl-istilla Arġentina jikkonkludi fir-rokna tax-xibka. L-istess MESSI fit-72 minuta jagħmilhom 4-0 b’konklużjoni fuq cross ta’ Alba, biex b’dan il-gowl Messi rnexxielu jiskor 30 gowl jew aktar fi tlettax-il staġun konsekuttiv. Barcelona ħasbu li skorjaw l-ħames gowl fil-85 minuta meta minn pass tajjeb ta’ Messi, kien il-Franċiż ANTOINE GRIEZMANN li wara li qabeż lill-goalkeeper ikkonkluda f’xibka vojta bir-referee wara konsultazzjoni mal-VAR iħassar il-goal għall-offside.