Futbol Sport

Chelsea fil-finali b’gowl ta’ Ziyech….tintemm il-ħolma tal-‘quadruple’ għal Man City

(Ritratt: EPA)

Chelsea għaddew għall-finali tal-FA Cup b’rebħa 1-0 fuq Manchester City f’Wembley Stadium. Ir-riżultat ifisser li s-Citizens ta’ Pep Guardiola fallew fit-tragward li jsiru l-ewwel tim Ingliż fl-istorja li jikseb il-‘quadruple’ – jiġifieri r-rebħ tal-ogħla kampjonat, l-FA Cup, il-League Cup u ċ-Champions League fi staġun wieħed. L-ewwel taqsima ta’ din is-semi-finali kienet pjuttost kumbattuta iżda ż-żewġ gowlkipers ma kenux daqstant impenjati, b’ħafna mil-logħob jikkonċentra f’nofs il-grawnd.

Madankollu, il-Blues ta’ Thomas Tuchel, komplessivament, urew l-aħjar ideat, anki jekk City irnexxielhom itellgħu xi kontra-attakki perikolużi li sfumaw fix-xejn. Intant, l-attakkant Marokkin ta’ Chelsea, Hakim Ziyech, kellu gowl imħassar għal offside waqt li Ben Chilwell ħela okkażjoni tajba biex jiftaħ l-iskor għall-Blues. Iżda t-tim ta’ Londra xorta waħda żblokka r-riżultat fil-55 minuta, meta, wara ħarba veloċi, Ziyech kien pront biex jiżmarka ruħu u jdawwar il-ballun f’xibka vojta fuq l-assist fil-baxx ta’ Timo Werner.

Il-gowl kien biżżejjed biex jiddeċiedi l-konfront, bl-attakkanti ta’ City – Raheem Sterling b’mod partikulari – ma jirnexxilhomx jinfdu d-difiża kompatta ta’ Chelsea fejn il-veteran Azpilicueta kellu logħba kbira. Chelsea issa jridu jistennew ir-rebbieħ tas-semi-finali tallum bejn Leicester City u Southampton biex ikunu jafu ‘l-aħħar ostakolu’ bejnhom u r-rebħ ta’ dan l-unur.

FA CUP

SEMIFINALI: Illum: Chelsea v Man City 1-0 Għada: Leicester v Southamtpon 7.30pm