Lokali

Ebda deċiżjoni dwar Carmelo Abela

Issa għaddew aktar minn tliet ijiem minn meta l-Kummissarju għall-Istandards sab li l-Ministru Carmelo Abela aġixxa bi ksur tal-etika meta uża fondi pubbliċi biex jipprommwovi lilu nnifsu.

Tliet ijiem, li fihom Robert Abela ħarab lill-media u li baqa’ ma ħax deċiżjoni fil-konfront tal-Ministru fl-uffiċċju tiegħu, sitwazzjoni li ħalliet il-membri l-oħrajn tal-Kabinett iħossuhom skomdi meta affaċjati bid-domandi.

Ir-rapport imsemmi kien ċar ħafna fil-konklużjonijiet tiegħu fejn ħareġ il-Kummissarju għall-iStandards sab li l-Ministru Carmelo Abela għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi, fejn uża mas-€7,000 minn flus il-poplu, għal reklam personali minflok biex iwassal informazzjoni siewja lill-pubbliku.

Ħadd għadu ma jaf jekk Carmelo Abela hux ser ikun qed jirritorna dawn il-fondi iżda meta pruvajna nistaqsu lill-Ministru Dalli, ma tħallejnies.

Meta gimghat ilu, Robert Abela, kien iffaċċjat b’mistoqsjiet dwar x’se jagħmel bis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar wara li rapporti fil-media kixfu kif hi allegatament irċeviet eluf ta’ ewro f’senserija fuq propjetà li ried jixtri Yorgen Fenech, il-Prim Ministru kien qalilna li kien se jistenna r-rapport tal-Kummissarju għall-iStandards qabel ma jieħu passi.

Iżda llum, wara li ħareġ ir-rapport konkluż tal-istess Kummissarju, fuq każ differenti, Robert Abela baqa’ totalment sieket u għadu qed ikaxkar saqajh biex jieħu azzjoni.