Futbol Sport

Gowl fl-aħħar sekondi jagħti rebħa kruċjali lil Cagliari

(Ritratt: EPA)

Fis-Sardegna Arena, f’partita li offriet seba’ goals, kienu Cagliari li ħarġu rebbieħa 4-3, f’partita bejn żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika, rebħa li tat tama aktar b’saħħitha lil Cagliari li jsalvaw posthom fis-Serie A. Parma fetħu l-iskor wara biss ħames minuti permezz ta’ GIUSEPPE PEZZELLA. JURAJ KUCKA għamilhom 2-0 fil-31 minuta. Cagliari naqsu l-iskor tmien minuti wara b’daqqa ta’ ras tajba ta’ LEANDRO PAVOLETTI. Fit-tieni taqsima, DENNIS MAN reġa fetaħ vantaġġ doppju favur Parma biex fis-66 minuta bdiet ir-rimonta ta’ Cagliari meta RAZVAN MARIN għamel l-iskor 3-2. Joao Pedro żewġ minuti wara ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-lasta biex fil-91 minuta kien GASTON PEREIRO li għamel l-iskor 3-3. Bil-partita tidher destinata għal draw, fl-aħħar attakk tal-partita, kien ALBERTO CERRI li kkonkluda bir-ras minn cross ta’ Radja Nainggolan għal skor finali ta’ 4-3.

Fi Stadio Mapei, Fiorentina sofrew telfa oħra ta’ 3-1 kontra Sassuolo. Kienu Fiorentina li fetħu l-iskor wara 31 minuta meta minn pass ta’ Franck Ribery, kien GIACOMO BONAVENTURA li kkonkluda għal 1-0. Fl-44, il-‘Viola’ setgħu rduppjaw iżda l-konklużjoni ta’ Gaetano Castrovilli ħabtet mal-wieqfa. Ir-rimonta ta’ Sassuolo bdiet fit-58 minuta meta Bartlomiej Dragowski waqqa lis-sostitut Domenico Berardi fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Minn ħdax-il metru l-istess BERARDI ma żbaljax. Sassuolo dawwra l-iskor favur tagħhom fit-62 minuta meta German Pezzella waqqa lil Giacomo Raspadori fil-kaxxa bir-referee ma jkollux għażla ħlief li jasffar it-tieni penalty. Għal darb’oħra, BERARDI ma falliex. Il-gowl li aċċerta mir-rebħa għat-team ta’ Roberto De Zerbi wasal kwarta mit-tmien b’konklużjoni mid-distanza ta’ MAXIME LOPES.

F’partita bejn żewġ timijiet f’nofs il-klassifika, Sampdoria għelbu lil Hellas Verona 3-1. DARKO LAZOVIC fetaħ l-iskor għal Verona bi freekick mill-isbaħ wara 13-il minuta. Fit-tieni taqsima, Sampdoria fuq l-offensiva, u kien JAKUB JANKTO li fis-46 minuta ġab l-iskor indaqs. It-team imexxi minn Claudio Ranieri ngħata penalty fit-72 minuta meta Adrien Tameze mbotta lil Keita Balde fil-kaxxa, MANOLO GABBIADINI minn ħdax-il metru ma żbaljax. Il-gowl li kkonferma t-tliet punti għal Sampdoria wasal fit-82 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ MORTEN THORSBY.

F’partita fejn il-player Rodrigo De Paul kien protagonista, Udinese għelbu lit-tim tal-qiegħ Crotone 2-1. RODRIGO DE PAUL fetaħ l-iskor għal Udinese fil-41 minuta. Crotone ġabu l-iskor indaqs fit-68 minuta meta Nahuel Molina deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa bir-referee jsaffar penalty. Minn ħdax-il metru SIMY għamel l-iskor 1-1. Ħames minuti wara, RODRIGO DE PAUL għal darb’oħra tefa’ lil Udinese fil-vantaġġ, biex lejn it-tmiem l-istess De Paul tkeċċa għal daħla kerha fuq Salvatore Molina.

SERIE A
Illum:
Crotone v Udinese 1-2, Sampdoria v Verona 3-1, Sassuolo v Fiorentina 3-1, Cagliari v Parma 4-3 Għada: Milan v Genoa 12.30pm, Atalanta v Juventus 3.00pm, Bologna v Spezia 3.00pm, Lazio v Benevento 3.00pm, Torino v Roma 6.00pm, Napoli v Inter 8.45pm