Futbol Sport

Hansi Flick se jħalli lil Bayern Munich fi tmiem l-istaġun

(Ritratt: EPA)

Il-coach ta’ Bayern Munich ikkonferma li fl-aħħar tal-istaġun jixitieq iħalli l-club. Flick li għandu 56 sena, qal li hu tkellem dwar dan mal-players tiegħu u kkonferma li jrid iħalli il-club Ġermaniż mat-tmexxija ta’ Bayern Munich wara l-eliminazzjoni mill-UEFA Champions League.

Għalkemm ir-raġuni m’hijiex ċara għalfejn Flick se jkun qed jitlaq lil Bayern Munich, rapporti internazzjonali qed jgħidu li fl-aħħar xhur kellu argument mad-Direttur Sportiv ta’ Bayern Hasan Salihamidzic. Fattur ieħor jista’ jkun li Flick se jkun qed jinħatar coach tat-tim nazzjonali Ġermaniż hekk kif Joachim Low se jkun qed jirriżenja wara l-EURO 2020 tas-sajf li ġej.

Flick li ssieħeb ma’ Bayern Munich f’Novembru tal-2019 irnexxielu jirbaħ il-Bundesliga, ċ-Champions League, d-DFB-Pokal kif ukoll it-Tazza tad-Dinja tal-Clubs.