Lokali

Il-100 sena mill-kostituzzjoni tal-1921 għandha tfakkar l-għaqda nazzjonali

“Xtaqt li dan jurina iktar aħna min aħna. Xtaqt li l-istorja tagħmilna iktar kburin ta’ aħna min aħna. Xtaqt li nwasslu lill-istudenti tagħna kif sirna nazzjon u kif pajjiżna u l-kostituzzjonali nbnew ftit ftit matul iż-żmien. Xtaqt nara kif in-nisġta ta’ ħajja soċjali u politika saħħew lil pajjiżna, il-partiti, trade unions u saħansitra nifhmu l-irwol li kellu r-reliġjon f’pajjiżna. Xtaqt li nwasslu l-messaġġ li l-għaqda hi dejjem importanti.”

Kien dan il-messaġġ tal-President George Vella waqt il-konferenza nazzjonali bit-tema ‘100 sena mill-Kostituzzjoni tal-1921’.

Geroge Vella esprima l-importanza ta’ avveniment bħal dan li kien l-ewwel pass għal-libertà ta’ pajjiżna. Din il-kostituzzjoni kienet l-ewwel pass biex Malta tibda miexja ‘l quddiem.

“Ma kienx avveniment li seħħ waħdu jew bla kuntest. Wassal għalih il-fatt li l-Maltin kienu xebgħu għaddejjin minn hekk imsejħin ‘kostituzzjonijiet’ li kienu jassiguraw biss id-dominanza kolonjali tal-Gvern Ingliż u jevitaw b’kull mod li jgħaddu xi forma ta’ tmexxija responsabbli lill-Maltin,” qal il-President ta’ Malta.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Professur Ray Mangion fejn saħaq li l-kostituzzjoni tal-1921 kienet pass ta’ ġgant għall-ħaddiema Maltin u s-servizzi soċjali. Il-Professur Mangion qal li hu importanti li wieħed jifhem li din kienet mixja ta’ sagrifiċċji… mixja li tat strutturi legali biex illum ‘il ġurnata għandna l-poter sħiħ ta’ pajjiżna. Saru wkoll numru ta’ interventi oħrajn fosthom mill-Professuri Joe Pirotta, Frances Camilleri Cassar, JosAnn Cutajar u Dr. Nicholas Doublet fejn iddiskutew l-element storiku, soċjali, politiku u reliġjuż.