Lokali

“Il-Ministru għandu jrodd il-flus lura”

Ministru li ma nafux x’qed jagħmel. Is-€7,000 għandu jroddhom lura.

Dawn kienu biss ftit mill-ħafna kummenti u reazzjonijiet li spikkaw min-nies fl-aħħar sigħat, wara li l-Ministru f’Kastilja Carmelo Abela rrikora għal Facebook biex jirreagixxi għal dak li sab il-Kummissarju tal-iStandards fil-Ħajja Pubblika – rapport illi jikkonferma li l-Ministru Abela kiser l-etika meta nefaq fondi pubbliċi, fejn uża mas-€7,000 għal reklam personali minflok biex iwassal informazzjoni siewja lill-poplu.

Wara dan l-istess post tal-Ministru kien hemm  minn qallu li din il-kariga tiegħu fl-uffiċċju tal-PM hija waħda vvintata. Kien hemm min uza wkoll kliem iebes b’rabta ma’ stejjer ohra li hargu fil-passat.

Persuni oħra qalu li Carmelo Abela ħa dawn il-flus mill-but tal-Maltin, u li kulħadd galantom bi flus ħaddieħor. Oħrajn insistew li l-Ministru għandu jirreżenja.

Ma’ Net News, Carmelo Abela baqa’ jinsisti li hu għad għandu xi jgħid dwar dan il-każ, f’turija ċara li minkejja r-rapport b’saħħtu li għamel George Hyzler, il-Ministru lanqas hu lest li jammetti l-izball – aħseb w’ara kemm se jġorr ir-responsabbiltà tiegħu.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler kien ċar meta ddikjara li l-kampanja ta’ reklamar li swiet aktar minn 7,000 ewro saret bit-tir evidenti li tippromwovi lill-Ministru.

Iżda għal Carmelo Abela jidher li mhemmx lok li tinġarr responsabbiltà politika.