Knisja Lokali

Il-quddies jirritorna għada f’Jum il-Karità

Għada l-Ħadd, 18 ta’ April, il-Knisja f’Malta se tfakkar Jum il-Karità.

L-għan ta’ dan il-jum hu li jikber l-għarfien dwar il-ħidma li jwettqu fis-soċjetà l-entitajiet tal-Knisja mal-persuni vulnerabbli. Permezz ta’ diversi djar residenzjali u ħidmiet ta’ karità minn professjonisti u voluntiera, il-Knisja f’Malta tilqa’ u taqdi lil ħutna fil-bżonn, irrispettivament mir-razza, kulur tal-ġilda jew twemmin.

Fuq xewqa tal-Arċisqof Charles Scicluna, għada fid-9:30am, il-Quddiesa tal-Ħadd ser tixxandar mill-kappella tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità (magħrufa bħala s-Sorijiet ta’ Madre Tereża) f’Bormla.

L-entitàjiet li jipparteċipaw f’Jum il-Karità huma: Id-Dar tal-Providenza, Caritas, Fondazzjoni Sebħ, id-Djar tal-Anzjani, il-Kummissjoni Migranti, il-Laboratorju tal-Paċi, il-Jesuit Refugee Service, St Jeanne Antide Foundation, il-Millenium Chapel, Paolo Freire Insititute, Dar Merħba Bik, Dar Osanna Pia, Dar Hosea, Dar Frate Jacoba, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, il-Fondazzjoni Paċi u Ġid, u Suret il-Bniedem.

Din is-sena, l-għajnuna lil dawn l-entitajiet għall-persuni fil-bżonn tista’ tingħata b’SMS jew telefonata:

  • Donazzjoni ta’ €11.65 (SMS fuq 50619270)
  • Donazzjoni ta’ €20 (Telefonata fuq 51002037)
  • Donazzjoni ta’ €50 (Telefonata fuq 51902072)

Matul l-2020, kien hemm iktar minn 1,600 persuna jgħixu fid-djar residenzjali tal-Knisja. Dawn jinkludu tfal u żgħażagħ li jgħixu fid-djar tat-tfal, anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali, persuni bi bżonnijiet speċjali, dawk li qed jingħataw l-għajnuna biex joħorġu mill-vizzju tad-droga, immigranti u refuġjati li jgħixu fi djar tal-Knisja, vittmi ta’ vjolenza domestika, nisa li jaqgħu fil-prostituzzjoni, u persuni bla saqaf fuq rashom.

Barra minn hekk, mal-1,300 familja jingħataw għajnuna mill-kappillani permezz tas-servizzi ta’ djakonija fil-parroċċi. Jum il-Karità jitfakkar kull sena fit-tielet Ħadd tal-Għid b’inizjattiva tas-Segretarjat għad-Djakonija fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.