Internazzjonali

Ir-Renju Unit isellem lill-Prinċep Philip f’ċerimonja mill-aktar emozzjonanti

4:45pm – Mad-daqq tal-innu Nazzjonali ‘God Save the Queen’, iċ-ċerimonja tintem.

4:30pm – L-Arċisqof ta’ Canterbury jirringrazzja lill-Prinċep Philip għall-fidi soda u l-lealtà tiegħu, għas-sens għoli ta’ dover u integrità, iżda fuq kollox għall-ħajja ta’ servizz lin-nazzjon u l-Commonwealth.

“To him, with all the faithful departed, grant thy peace” – Justin Welby.

4:15pm – Titkanta l-mużika ‘The Jubilate’ fejn il-kliem hu meħud minn Psalm 100. L-ambjent mużikali kien miktub minn Sir Benjamin Britten, wieħed mill-aktar kompożituri Brittaniċi sinifikanti tas-Seklu 20. Din ġiet miktuba fuq talba tad-Duka ta’ Edinburgh.

4:10pm – Tibda iċ-ċerimonja fil-Kappella ta’ San Ġorġ, li tifforma parti mill-Kastell ta’ Windsor. Iċ-ċerimonja qed titmexxa mid-Dekan ta’ Windsor, David Conner, u l-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Welby.

4:06pm – It-tebut iddaħal fil-kappella.

4:05pm – Tasal ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni fill-Kappella ta’ San Ġorġ.

4:00pm – It-tebut jitneħħa mill-karru tal-mejtin, u jittieħed fil-West Steps. Tibda l-minuta silenżju.

3:50pm – Ir-Reġina telqet mill-Kastell ta’ Windsor biex tattendi l-funeral ta’ żewġha fil-Kappella ta’ San Ġorġ.

3:47pm – It-tebut tal-Prinċep Philip beda l-vjaġġ tiegħu lejn il-Kappella ta’ San Ġorġ.

3:45pm – Il-baned militari jdoqqu mużika magħżula mid-Duka nnifsu, inklużi ‘Ġerusalemm’ u ‘Elgar’s Nimrod’.

3.40pm – Membri tal-familja rjali jaslu fil-kappella ta’ San Ġorg li tifforma parti mill-Kastell ta’ Windsor.

3:35pm – Meghan, id-Dukessa ta’ Sussex se tkun qed isegwi l-funeral ta’ Prinċep Philip mid-dar f’California. Hija tistqarr illi xtaqet tattendi, iżda ma tħallitx issiefer fuq ordni li nħarġet mit-tabib f’dan l-istadju tat-tqala tagħha.

3:25pm – Jasal ukoll il-karru tal-mejtin tal-għamla Land Rover, fejn ġie ddisinjat mill-Prinċep Philip innifsu madwar sittax -il sena ilu.

3:04pm – Id-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge jaslu fil-Kastell ta’ Windsor.

2:50 L-Ex-Arċisqof ta’ York, John Sentamu jitkellem dwar il-fidi profonda li kellu l-Prinċep Charles.

2:30pm – Il-Prinċep Charles jasal fill-Kastell ta’ Windsor għall-funeral ta’ missieru.

Aktar kmieni illum, anke pajjiżna sellem il-memorja tad-Duka ta’ Edinburgh. Dan filwaqt li barra ‘Villa Gwardamanga’ tpoġġew bukketti tal-fjuri.