Futbol Sport

Newcastle Utd jagħmlu pass kbir lejn is-salvazzjoni b’rebħa f’darhom fuq West Ham

(Ritratt: EPA)

Newcastle United kisbu rebħa kruċjali, 3-2, fuq West Ham United f’St James Park biex żiedu ċ-ċansijiet li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni wara staġun mill-aktar inċert u problematiku. Ir-rebħa, iżda, kienet waħda sofferta, b’West Ham, bla dubju, qed iħossuhom sfortunati li ħarġu b’idejha vojta mill-konfront wara li kienu kostretti jilgħabu b’għaxar plejers għal kważi siegħa
Il-Geordies ħarġu determinati għall-punti u rnexxielhom jiksbu vantaġġ doppju sal-mistrieħ wara awtogol ta’ Issa Diop (36) u gowl opportunist ta’ JOELINTON (41). Intant, it-tieni 45 minuta rriservaw aktar mumenti drammatiċi, b’West Ham – li fl-ewwel taqsima tilfu lil Craig Dawson li ntweta żewġ karti sofor fi spazju ta’ ftit minuti – inaqqsu d-distakk b’daqqa ta’ ras stupenda ta’ DIOP (73) li b’hekk patta xi ftit għall-iżball inizjali. Il-Hammers komplew jagħfsu u fit-80 minuta huma kisbu parità grazzi għall-prolifiku Jesse LINGARD li sammar ġewwa minn penalty – wara li d-deċiżjoni kienet konvalidata mill-VAR.
Iżda meta kulħadd ħaseb li West Ham kellhom jieħdu r-riedni tal-logħba wasal il-mument deċiżiv favur Newcastle – bis-sostitut Joe WILLOCK (82) isib ix-xibka bir-ras għall-gowl finali fis-suċċess tal-Geordies.

B’din ir-rebħa, Newcastle telgħu fil-15-il post tal-Premier Ingliż, bit-tim ta’ Steve Bruce issa jista’ jieħu ftit tan-nifs peress li għandu vantaġġ ta’ disa’ punti fuq Fulham – it-tielet tim mill-aħħar. Minkejja d-diżappunt, West Ham għadhom ir-raba’ fil-klassifika, iżda hu minnu wkoll li l-Hammers lagħbu logħba aktar minn Chelsea u Liverpool li qegħdin jissieltu magħhom għal post fit-Top Four – u kwalifikazzjoni għaċ-Champions League fl-istaġun li ġej. Kemm Chelsea, kif ukoll Liverpool, għandhom l-opportunità li jnaqqsu d-distakk ma’ West Ham – bir-Reds ta’ Jurgen Klopp jistgħu jilħqu lill-Hammers fuq 55 punt jekk huma, nhar it-Tnejn, joħorġu bit-tliet punti mill-konfront ma’ Leeds United f’Elland Road.

Sheffield United kienu matematikament relegati wara li tilfu barra minn darhom 1-0 kontra Wolves. Sheffield United li rritornaw fil-Premier League fl-istaġun li għadda, kellhom bidu tajjeb fl-ogħla diviżjoni hekk kif fl-ewwel staġun irnixxielhom itemmu mal-ewwel 10. Dan l-istaġun sabuha diffiċli ferm u kisbu erba’ rebħiet minn 32 partita. Il-gowl deċiżiv wasal mas-siegħa logħob meta wara li rċieva mingħand Adama Traore, kien William JOSE li kkonkluda, riżultat li baqa’ sat-tmiem.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: Everton v Tottenham 2-2 Illum: Newcastle v West Ham 3-2, Wolves v Sheff Utd 1-0 Għada: Arsenal v Fulham 2.30pm, Man Utd v Burnley 5.00pm It-Tnejn: Leeds v Liverpool 9.00pm