Lokali

“Bżonn sforzi biex nassiguraw saħħet xulxin”

Kulħadd għejja … hemm bżonn nagħmlu l-isforzi meħtieġa biex nassiguraw is-saħħa ta’ xulxin. Kliem l-Arċisqof Charles J. Scicluna waqt il-Quddiesa Pontifikali, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Publiju, fil-Knisja Arċipretali tal-Floriana.

Festa li tiġi ċċelebrata żewġt Iħdud wara l-Għid il-Kbir u tradizzjonalment tiftaħ l-Istaġun tal-Festi. Madankollu, għat-tieni sena konsekuttiva, il-Furjaniżi ma setgħux jiċċelebraw din il-Festa tant għal qalbhom kif imdorrijin jagħmlu, iżda biss b’ċelebrazzjonijiet liturġiċi.

Ċelebrazzjonijiet li laħqu l-qofol tagħhom bil-Quddiesa mmexxija mill-Arċisqof, li stqarr li bħala Nsara, irridu nkunu xhieda tal-qawwa tal-Ewkaristija, li mhux biss Ritwal Sagru iżda xhieda tal-Ħajja ta’ Ġesù fostna.

Il-Kap tal-Knisja f’Malta qal li quddiem l-isfidi tal-pandemija, ma nistgħux ma ndurux lejn Publiju, li l-imħabba tiegħu ġabet mewġa ta’ fejqan … bina llum nitolbu l-fejqan u l-ħarsien tal-poplu tagħna.

L-Arċisqof kompla li bħalma San Publiju laqa’ f’pajjiżna lill-Appostlu tal-Ġnus meta kien fid-diffikultà, biex f’pajjiżna twieldet il-Fidi Nisranija, illum aħna wkoll mistednin nilqgħu lil Ġesù fostna.

Wara diversi ġimgħat bil-bibien magħluqin għaċ-ċelebrazzjonijiet fil-preżenza tal-pubbliku, dan il-Ħadd il-Knejjes reġgħu bdew jilqgħu fi ħdanhom il-kongregazzjonijiet tal-fidili.

Għal din l-okkażjoni, il-Knisja tal-Floriana ntramat bil-ħwejjeġ tal-Festa, bil-vara artistika ddedikata tal-Qaddis Patrun tinħareġ għall-qima tal-parruċċani. Għall-kuntrarju, it-toroq tal-madwar baqgħu mneżżgħin, fost id-dieqa tal-Furjaniżi, li ttamaw li din is-sena jiċċelebraw il-Festa.

Fost l-oħrajn, preżenti għal din il-Quddiesa kien hemm ukoll Deputati tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll Kunsillieri Lokali