Internazzjonali

Covid-19: Franza timponi l-kwarantina għal wara l-vjaġġi minn erba’ pajjiżi….Il-Ġermanja mgħandhiex titratta lill-pazjenti b’ordni ta’ priorità

L-awtoritajiet fi Franza qed jimponu kwarantina ta’ għaxart ijiem għal kulmin jivvjaġġa lejn l-artijiet tagħha mill-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċile u l-Afrika t’Isfel. Dan meta fi Franza – u l-kumplament tal-Ewropa – żdied l-inkwiet dwar il-varjanti tal-coronavirus li qed jostakolaw il-progress tal-ġlieda internazzjonali kontra l-Covid-19.

Filwaqt li se jkomplu t-titjiriet mill-Arġentina, iċ-Ċile u l-Afrika t’Isfel, kulmin jasal fi Franza minn dawn il-pajjiżi jridu jaċċettaw il-kundizzjonijiet ta’ kwarantina inkella jeħlu l-multi kbar. Fl-istess ħin, it-titjiriet lejn Franza mill-Brażil jinsabu sospiżi sa, mill-anqas, nhar il-Ġimgħa minħabba t-tħassib dwar il-varjant ‘P1’ tal-coronavirus li jinfetta lin-nies aktar malajr mill-virus oriġinali.

Intant, il-Gvern Franċiż iddeċieda li ma jipprojbix it-titjiriet mit-tliet pajjiżi l-oħra msemmija peress li l-varjanti tal-virus f’dawk il-pajjiżi ma laħqux il-livell ‘osservat diġà’ fil-Brażil. Fl-istess ħin, Franza qed tintroduċi bil-mod il-miżuri ġodda ta’ kwarantina u sakemm dawn ikunu infurzati bis-sħiħ sa nhar is-Sibt.

Il-miżuri ġodda anki se jirrestrinġu l-movimenti tal-Franċiżi li jivvjaġġaw lura pajjiżhom mill-erba’ Stati speċifiċi u fejn se jkunu wkoll suġġetti għal testijiet ‘ta’ wara t-titjiriet’ . Franza – li għaddejja mit-tielet mewġa tal-coronavirus – ilha l-aħħar ġimgħat tissikka r-restrizzjonijiet fost l-introduzzjoni ta’ curfew għal bil-lejl u l-ivvjaġġar limitat ħafna bejn ir-reġjuni tal-pajjiż.

Sadanittant, fi Franza kienu rappurtati disa’ każi rari ħafna (u ġodda) ta’ trombożi – flimkien ma’ erba’ imwiet relatati– fost persuni li kienu tlaqqmu bil-vaċċin tal-AstraZeneca. Il-każi kienu reġistrati bejn it-2 u t-8 ta April — bit-total tal-każi tat-trombożi allegatament ‘relatati mal-vaċċin’ jitilgħu għal  23 fil-pajjiż.

L-awtoritajiet Franċiżi huma inkwetati dwar dan l-iżvilupp peress li l-profil tal-pazjenti speċifiċi hu differenti minn tal-ftit pazjenti ta’ qabel li spiċċaw affettwati b’dan il-mod. Id-disa’ każi ġodda ‘ta’ trombożi’ jinvolvu erba’ nisa u ħames irġiel, bl-etajiet tagħhom ivarjaw minn 54 sa 74 sena.

Il-Ġermanja qed tkompli tagħmel l-almu biex tikkontrolla t-tielet mewġa tal-virus, bl-isptarijiet tagħha jiffaċċjaw aktar pressjoni meta qed jonqsilhom l-ispazju għall-pazjenti fi ħtieġa ta’ kura intensiva.

Iżda minkejja s-sitwazzjoni preokkupanti, mhux mistenni li l-Ġermanja – kuntrarju għal li seħħ diġà f’pajjiżi bħal Spanja, Franza u l-Italja – se tagħti priorità lill-pazjenti ‘skont iċ-ċansijiet għall-fejqan mill-Covid’ u bħalma kien seħħ matul ir-rebbiegħa tas-sena l-oħra meta l-pandemija kienet għadha fil-bidu.

Stħarriġ li seħħ fil-Ġermanja, issa, wera li madwar terz tal-Ġermaniżi mhumiex ċerti jekk jippjanawx għal vaganza barra pajjiżhom, din is-sena, meta r-restrizzjonijiet tas-sigurtà mistennija jkomplu għat-tul taż-żmien. Ir-riżultati tal-istħarriġ urew li 31 fil-mija tal-Ġermaniżi ma jafux jekk is-sitwazzjoni tippermettix għal safra ‘matul is-sajf’ waqt li 28 fil-mija oħra eskludew din il-possibbiltà għal kollox.